Sunday, November 24, 2024

Tfajla tmut wara li operazzjoni tal-piż marret żmerċ

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 20 sena mietet wara li għamlet operazzjoni biex titlef il-piż fit-Turkija. Dan wara li ddeċidiet li tagħmilha, minħabba li kienet ibbuljata għal mod ta’ kif kienet tidher. 

Fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali TikTok, ftit tal-jiem qabel l-operazzjoni, it-tfajla Morgan Ribeiro ħabbret li se tkun qegħda tagħmel l-operazzjoni u li għalhekk ma setgħetx tikkomunika mas-segwaċi tagħha. 

Il-midja rrapurtat li Ribeiro ivvjaġġat lejn it-Turkija flimkien mal-għarus tagħha għall-operazzjoni fl-istonku aktar kmieni dan ix-xahar li kienet tiswa madwar £2,500. Intant, wara l-proċedura medika fil-5 ta’ Jannar, hija ngħatat il-permess biex tirritorna lura d-dar. 

Ġara li meta kienet qegħda fuq titjira fi triqitha biex tmur d-dar, Morgan ħassitha ma tiflaħx ħafna. L-ajruplan li kienet abbord fuqu għamel inżul ta’ emerġenza fis-Serbja. Hemmhekk hija ġet eżaminata miinn diversi tobba, li skoprew li fl-istess operazzjoni kienet qatgħulha l-musrana ż-żgħira. Dan wassal għal infezzjoni fatali, bil-konsegwenza li tilfet ħajjitha ftit tal-jiem wara. 

Omm it-tfajla, li għandha 44 sena qegħda titlob għall-għajnuna mill-pubbliku sabiex jirnexxielha ġġib il-katavru ta’ bintha d-dar. Fi twissija lil ħaddieħor, is-Sinjura Gibson f’kumment lill-Independent qalet li bintha għamlet perjodu twil ibbuljata minħabba l-piż u li kienet għaddejja minn żmien diffiċli.  L-għarus ta’ Morgan, James, sostna li meta huma marru t-Turkija, ma ġewx mwissija bil-perikli assoċjati mal-kirurġija. 

Aktar kmieni dan ix-xahar, mara Ingliża u omm ta’ tliet itfal ukoll tilfet ħajjitha wara li għamlet operazzjoni kożmetika fit-Turkija. Demi Agoglia ta’ 26 sena, kienet ilmentat minn uġigħ f’sidirha, ftit tal-jiem wara l-operazzjoni. Hija mietet fl-istess jum li kellha tirritorna d-dar f’Salford, Greater Manchester.

Sport