Friday, May 3, 2024

“Tgħallimt ma nħallix lil ħaddieħor iwaqqagħni ħażin”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tfajla titgħallem taċċetta l-kundizzjoni tagħha minkejja l-ibbuljar fuq l-apparenza tagħha

Tfajla b’kundizzjoni li skopriet li għandha fl-età tenera ta’ sentejn, tgħallmet taċċetta l-kundizzjoni u tħobb il-mod kif tidher, minkejja li dak li esperjenzat fil-passat ma kienx kollox ward u żahar. 

F’intervista ma’ Talk.mt, Elisa Chircop, tfajla ta’ 18-il sena li bħalissa qed tistudja l-Università, qalet li meta kellha biss sentejn ingħatat l-aħbar li kellha l-kundizzjoni li tissejjaħ ‘Alopecia Areata’. 

“Maż-żmien niftakar li xagħri kien beda jaqa’, sakemm tlift xagħri kollu meta kelli biss disa’ snin. Kien żmien diffiċli ħafna kemm għalija kif ukoll għall-familja tiegħi. Nistqar li iva esperjenzajt ibbuljar, kummenti diżgustanti u li jweġġgħu, ħars stramb ħafna drabi kemm mit-tfal kif ukoll mill-adulti, ġejt imbuttata ‘l isfel fit-taraġ, u ġejt imwaqqa’ għaċ-ċajt minħabba r-raġuni li kont bla xagħar,” qalet Elisa.

Minkejja dan kollu, din it-tfajla tgħidilna li tgħallmet taċċetta l-kundizzjoni tagħha u maż-żmien bdiet issir tħobb il-mod kif tidher. Dan għaliex, il-kundizzjoni tal-persuna m’għandhiex tkun dik ix-xi ħaġa li twaqqaf lil dik il-persuna milli tkompli miexja ‘l quddiem fil-ħajja jew milli tgħix bħal kulħadd. 

Elisa qaltilna: “Tgħallimt ma nħallix lil ħaddieħor iwaqqagħni ħażin għax sirt napprezza l-fatt li jien importanti  u jien ma niddefenixxix ruħi biss fuq id-dehra tiegħi. Madankollu, ma naħsibx li hemm biżżejjed għarfien dwar l-kundizzjoni tal-Alopecia. Sibt li kultant in-nies jitbiegħdu minni jaħsbu li jien għandi xi ħaġa li tittieħed jew jassumu li għandi l-kanċer, meta fil-verità ma jkunx il-każ. L-Alopecia hija marda awto-immunitarja fejn is-sistema immunitarja tal-ġisem ma tagħrafx ix-xagħar bħala parti minnu u tattakkah, u minħabba f’hekk jibda jaqa’. Iżda, tajjeb li n-nies ikunu jafu li din mhix xi ħaġa li tittieħed u ma tikkawża l-ebda uġigħ.”

Għal dawk li dan l-aħħar segwew l-aħbarijiet internazzjonali, b’mod partikolari x’ġara fl-Oscars, ilkoll jafu kemm issemmiet il-kundizzjoni li għandha Elisa u x’ġara f’dan ir-rigward.

Il-każ seħħ meta Will Smith ta daqqa ta’ ħarta lil Chris Rock fuq il-palk tal-Oscars, meta dan tal-aħħar għadda ċajta fuq mart Will, Jada Pinkett Smith. Iċ-ċajta kienet dwar il-fatt li Jada kienet b’xagħarha mqax­xar. Jada kellha tagħmel  dan minħabba li ssofri minn kundizzjoni medika. 

Dwar dan tkellimna wkoll ma’ Elisa li qaltilna: “Dwar dak li ġara fl-Oscars, bl-ebda mod ma napprova l-vjolenza. Madankollu, huwa totalment inaċċettabbli u insensittiv ħafna li tuża l-mard bħala xi ħaġa li biha twaqqa’ għaċ-ċajt lil xi ħadd! Il-fatt li ċ-ċajta saret daqshekk b’mod pubbliku u qisu xejn mhu xejn idejjaqni għax qatt ma tista’ tkun taf kif il-kliem se jaffettwa lill-vittma taċ-ċajta. Tista’ tkun biss ċajta għal dawk li ma jesperjenzawhiex, iżda għal dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ mard ta’ kuljum, il-bullying iħalli effett fuqhom. Kumment li jweġġa’ jista’ jkun sentenza tal-mewt għal xi ħadd u l-ibbuljar jista’ jwassal għal kwistjonijiet ta’ saħħa mentali tul il-ħajja.”

Elisa xtaqet tgħaddi messaġġ lil dawk li qed jesperjenzaw din il-kundizzjoni tal-Alopecia, mard jew kundizzjoni oħra: “Irrid li jkunu jafu li l-kundizzjoni tagħhom ma tiddefinixxihomx, iżda hija s-sbuħija ta’ ġewwa u l-personalità tagħhom li tagħmilhom dawk li huma bħala bnedmin. Tħallix min iwaqqgħek ħażin u tagħtix is-sodisfazzjon lil dawk il-‘bullies’ li jagħmlulek hekk.”

Sport