Sunday, December 22, 2024

Tħaddir ta’ Triq Santa Rita fir-Rabat bl-għajnuna tal-iskema Urban Greening

Aqra wkoll

Bħalissa għaddej it-twettiq ta’ diversi proġetti intiżi biex jħaddru żoni urbani fil-qalba ta’ diversi lokalitajiet. Permezz tal-iskema Urban Greening, għadd ta’ kunsilli lokali setgħu jwettqu proġetti ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni, bl-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Triq Santa Rita fir-Rabat hija waħda fost il-proġetti li kkwalifikaw għal din l-iskema, bil-Gvern ikopri 85% tal-ispiża biex tissebbaħ żona li hija waħda mill-aktar kummerċjali u attivi fir-Rabat.

Il-proġett tar-Rabat kien maqsum f’żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi tiffoka fuq ix-xogħol ta’ tisbiħ bi tħawwil ta’ aktar siġar u arbuxelli, l-installazzjoni ta’ green wall u sistemi ta’ irrigazzjoni effiċjenti u l-ħolqien ta’ roof garden. Il-proġett twettaq bl-inqas impatt possibbli u anke fl-installazzjoni tal-green wall kien evitat l-użu ta’ materjal tal-plastik. Minflok, intuża materjal riċiklabbli bħalma huwa l-injam.

It-tieni fażi kienet tikkonsisti f’infrastruttura ħadra fi Triq Santa Rita bl-installazzjoni ta’ ħwat addizzjonali li tpoġġew fit-turġien li jagħqdu Triq Santa Rita ma’ Triq ir-Rebħa. Saru interventi fuq is-substation u l-latrina pubblika fejn ġie installat roof garden. Dan għandu l-għan li jgħin jikkontrolla t-temperaturi fix-xhur sħan tas-sajf.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “It-twettiq ta’ dawn il-proġetti qed iwassal għal komunitajiet isbaħ u aktar ħodor, iżda fuq kollox qed joffri spazju ta’ rikreazzjoni isbaħ għar-residenti. B’ambjent isbaħ u aktar aċċessibbli, qed nħeġġu lin-nies li jkollhom bżonn imorru fiż-żona kummerċjali, imorru bil-pass u mhux bil-karozza. Aktar ma nsebbħu żoni urbani, aktar se ngħinu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali tar-Rabat li għaraf il-bżonn li jsebbaħ żona urbana fil-lokalità permezz ta’ riġenerazzjoni ħadra. Hija faħħret ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u Ambjent Malta favur dan il-proġett, u ħeġġet aktar kunsilli lokali sabiex jressqu ’l quddiem proposti għal proġetti simili li joħolqu aktar spazji ħodor fil-qalba tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom. “L-integrazzjoni ta’ spazji ħodor f’żoni urbani mhux biss jagħtu estetika isbaħ lill-post, iżda jikkontribwixxu għall-benfiċċju tal-benesseri mentali u fiżika tal-komunitajiet tagħna,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus qal li fit-twettiq ta’ dan il-proġett riedu jaraw li dan l-investiment jibqa’ jiġi mantnut. Kompla jispjega li apparti li tħawwlu numru kbir ta’ siġar u pjanti li ħolqu ambjent mil-isbaħ, ġew installati numru ta’ tankijiet u pompi għall-irrigazzjoni biex b’hekk ikollhom tisqija awtomatika b’mod frekwenti. “B’dawn il-fondi għamilna wkoll green wall u green roof biex b’hekk il-ġebel u l-konkos ġew mgħottija bil-pjanti kkuluriti u fjuri. Investejna f’dawl dekorattiv u bankijiet ħalli din iż-żona jkollha dehra isbaħ. Dan proġett li hu ferm apprezzat mir-residenti għax huma konxji kif kien qabel u kif sar illum,” temm jgħid is-Sur Craus.

Id-Direttur fi ħdan Ambjent Malta, Josianne Muscat qalet, “Dan huwa proġett li jagħmel parti minn katina ta’ interventi b’kollaborazzjoni ma’ diversi Kunsilli Lokali. Permezz tal-iskemi li ħarġet Ambjent Malta għall-Kunsilli Lokali, diversi żoni fl-urban ġew imħaddra bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. L-introduzzjoni ta’ infrastruttura ekoloġika f’żoni urbani sservi wkoll sabiex ssebbaħ l-ambjent ta’ madwarna anki mil-lat ekoloġiku. Dan minħabba l-fatt li t-tħawwil ta’ siġar, fjuri u arbuxelli jsaħħaħ il-bijodiversità filwaqt li jħeġġeġ id-dakkra tan-naħal u l-insetti.”

Ekonomija

Sport