Sa mit-tieni ġimgħa ta’ Diċembru li għadda, il-Perù huwa mifni b’numru ma jispiċċa qatt ta’ protesti vjolenti ġewwa t-toroq tal-ibliet ewlenin ta’ dan il-pajjiż ta’ kważi 34 miljiun ruħ u li jinsab ġewwa l-Amerika Latina.
Dawn il-protesti ħallew kważi 60 ruħ mejta u qegħdin ikunu ta’ theddida kbira għad-demokrazija ta’ dan il-pajjiż. B’hekk, il-Perù qiegħed jkompli s-sensiela ta’ protesti vjolenti li dan l-aħħar iddominaw l-aħbarijiet ta’ diversi pajjiżi oħra ġewwa l-Amerika Latina wara li fl-2019 rajna protesti simili ġewwa ċ-Ċili, fl-2021 saru protesti ġewwa l-Kolumbja filwaqt li s-sena l-oħra rajniehom iseħħu ġewwa l-Ekwador.
X’wassal għal dawn il-protesti?
Kollox beda fis-7 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra meta Pedro Castillo, li llum għandu 53 sena u li kien rebaħ l-elezzjoni presidenzjali tas-sena ta’ qabel, ordna li jiġi sospiż il-kungress u li huwa jieħu f’idejh l-operat tal-ġudikatura.
Din ma kinitx l-ewwel darba li President Peruvjan għamel mossa simili sabiex jagħti lilu nnifsu l-poter assolut, ghaliex lura fl-1992, Alberto Fujimori, il-President tal-Perù ta’ dik il-ħabta, kien uża l-armata sabiex kompla jmexxi sal-2000 b’mod awtokratiku għall-aħħar. Però, b’differenza minn Fujimori, Castillo ma kellux l-appoġġ tal-armata u tal-forzi tal-ordni l-oħra u spiċċa tneħħa mill-ogħla kariga ġewwa l-pajjiż permezz ta’ vot li ttieħed fil-kungress, vot li ra lil 101 membri mill-130 li jiffurmawh, jivvutaw għat-tneħħija ta’ Castillo. Castillo ġie arrestat u bħalissa qiegħed jiġi miżmum ġewwa l-habs, l-istess ħabs li ġewwa fih hemm Fujimori li kien weħel sentenza habs fuq akkużi ta’ ksur tad-drittijtiet fundamentali tal-bniedem.
Minflok Castillo, il-kungress hatar lil Dina Boluarte li kienet il-viċi president tal-istess Castillo. Mal-ħatra ta’ Boluarte, li għandha 60 sena, partitarji ta’ Castillo ħarġu fit-toroq. Però, magħhom qegħdin jingħaqdu ħafna nies oħra li għandhom interessi differenti għalfejn iridu t-tneħħija ta’ Boluarte u addirittura tibdil fil-kostituzzjoni.
Firda etnika u inkompetenza politika
Ġewwa l-Perù, l-instabilità politika ilha tiddomina l-ħajja ta’ dan il-pajjiż sa mill-2001. Fil-fatt, minn dik is-sena ‘l hawn, dan il-pajjiż kellu xejn anqas minn disa’ presidenti u li sitta minnhom spiċċaw akkużati bil-korruzzjoni. Din l-instabilità politika minn dejjem kellha l-għeruq tagħha ġejjin mill-korruzzjoni lampanti li dejjem iddominat il-politika ta’ dan il-pajjiż kif ukoll minn gruppi terroristiċi li joħorġu mid-diversi minoranzi etniki li hemm ġewwa l-Perù.
Però, matul is-sena li dam imexxi Castillo, din l-instabilità laħqet livelli mingħajr preċedent. Dan minħabba li Castillo, li ta’ min jgħid ma tantx kellu esperjenza politika qabel ħa l-kariga presidenzjali minħabba li qabel rebaħ l-elezzjoni li semmejna aktar ‘il fuq kien sempliċi għalliem u kien ukoll il-mexxej ta’ unjin tal-għalliema, innomina ħafna nies li ukoll ma kellhom l-ebda esperjenza f’karigi importanti ħafna.
L-unika ħaġa li kien ifittex f’dawn il-persuni kienet li dawn kien jridu jkunu ġewwa mill-kamp politiku tax-xellug, l-ideoloġija politika tal-istess Castillo. Dan wassal sabiex l-istess Castillo, f’sena, kellu mas-70 ministru differenti, b’uħud minnhom ma damux aktar minn ftit ġimgħat fil-kariga qabel tneħħew mill-president. Dan wassal sabiex il-kungress qam kontrih. Però, skont il-verżjoni tal-kamp ta’ Castillo, il-Kungress u l-establishment qatt ma ħallew lil Castillo jmexxi minħabba li huwa ġej mix-xellug u minħabba l-etniċità tiegħu. Skont il-partitarji ta’ Castillo, Boluarte ingħaqdet mal-lemin sabiex il-poter jgħaddi mill-ġdid f’idejn l-establishment.
Min huma l-protestanti u xi jridu?
L-għajta ewlenija tal-protestanti hija li jridu r-riżenja ta’ Dina Boluarte minħabba li skont huma hija ħadet il-kariga presidenzjali b’mod illegali. sabiex wieħed ikun gust, Boluarte kienet il-persuna li skond il-kostituzzjoni kellha tiehu l-kariga kemm il-darba il-president jitnehha. Però, il-mod ta’ kif Boluarte mexxiet il-kontroll tal-protesti juri wkoll inkompetenza politika grassa. Hija ma ħadet l-ebda passi meta membri tal-forzi tal-ordni ppanikkjaw u kienu vjolenti ħafna fuq il-protestanti.
Dawn il-protesti kien mistennija għaliex minkejja l-mod dilettantesk ta’ kif mexxa Castillo, huwa jibqa’ l-idolu tan-nies tal-Andes li huma tal-istess etniċità tiegħu. Dawn in-nies li minn dejjem ħassewhom diskriminati mill-gvern Peruvjan, jagħmel x’jagħmel Castillo sejrin jibqgħu miegħu.
Però fost il-protestanti hemm elementi ohra li huma ferm aktar perikolużi għad-demokrazija. Pereżempju sezzjoni tal-idja bbażata ġewwa l-Istati Uniti qiegħda tgħid li xi protesti vjolenti li saru qrib stazzjon tal-ferrovija li jwassal lit-turisti għall-postijiet storiċi li tant huwa magħruf ghalih dan il-pajjiż bħal Machu Picchu, ġew organizzati minn membri ta’ grupp terroristiku li oriġina fis-snin tmenin bl-isem ta’ Shining Path, grupp Marxista li ilu jiġġieled lill-gvern ċentrali għal diċennji sħaħ.
L-istess midja Amerikan qiegħda tgħid li fost il-mexxejja ta’ dawn il-protesti hemm ukoll ħafna ħaddiema illegali tal-minjieri tad-deheb u l-fidda u saħansitra traffikanti tad-drogi li għandhom kull interess sabiex ġewwa dan il-pajjiż tkompli tirrenji l-instabilità sabiex b’hekk ikunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet illegali tagħhom.
Sezzjoni oħra tal-midja bbażata ġewwa l-Messiku qiegħda tgħid li fost l-protestanti hemm nies li għandhom konnessjoni ma’ partitarji ta’ Evo Morales, l-ex president tal-Bolivja u Hugo Chavez, l-eks mexxej tal-Venezwela, pajjiżi ġirien tal-istess Peru. Dawn qeghdin jimbuttaw li jsir tibdil drastiku fil-kostituzzjoni tal-Perù sabiex il-president ikollu poter assolut u s-saħħa tal-kungress tispiċċa darba għal dejjem.
L-unika triq sabiex din il-kriżi tirrisolva hija elezzjoni bikrija. Però, hemm diversi forzi politiċi li qegħdin jirreżistu li ssir elezzjoni b’mod immedjat. Fost dawn hemm il-membri tal-kungress li qegħdin jibżgħu li sejrin jitilfu ħafna mill-benefiċċji li għandhom kif ukoll il-politiċi tal-lemin għaliex qegħdin jibżgħu li dawn l-imwiet sejrin jagħmlu lix-xellug aktar b’saħħtu. Sakemm il-politiċi Peruvjani jiddeċiedu, il-Peru qiegħed jitlef biljuni tal-dollari fi dħul mit-turiżmu u mill-esportazzjoni tal-ħaġar prezzjuż minħabba li l-protesti ġġamjaw ħafna mill-infrastruttura tal-pajjiż. Fuq kollox bdiet l-iskartezza ta’ ċertu prodotti essenzjali inkluż tal-fjuwil u ossiġnu fl-isptarijet.