Saturday, December 21, 2024

Tifla li twieldet mingħajr għadam f’saqajha tagħmel l-ewwel passi tagħha wara l-amputazzjoni

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ħafna ġenituri jammettu li fost wieħed mill-mumenti speċjali għalihom huwa meta t-tifel jew it-tifla tagħhom jagħmlu l-ewwel passi. Għall-koppja mill-Ingilterra dan il-mument kien wieħed emozzjonali aktar mis-soltu.

Dan hekk kif raw lil binthom Posie-Aurora Sadler-Smith, li għandha sena, tagħmel l-ewwel passi tagħha bir-riġlejn prostetiċi ġodda wara li kellha tagħmel amputazzjoni.

Iċ-ċkejkna ġiet dijanjostikata b’diżordi rari ħafna li tissejjaħ ‘fibular hemimelia’ li tista’ taffettwa persuna minn kull 50,000.

Din it-tip ta’ diżabilità ġeneralment taffettwa sieq waħda biss, iżda Posie twieldet bi kważi l-għadam kollu f’saqajha nieqsa hekk kif twieldet mingħajr irkoppa tal-lemin u l-għadam ta’ taħtha, u mingħajr l-għaksa tax-xellug.

Madanakollu, iċ-ċkejkna ma qatgħetx qalbha hekk kif tgħallmet titkaxkar u kif tuża’ s-saħħa kollha tal-parti ta’ fuq ta’ ġisimha biex tiċċaqlaq.

Il-ġenituri tagħha kellhom deċiżjoni diffiċli jekk jamputawx saqajha biex jagħtuha ċans li timxi fuqhom.

Ftit wara li għalqet sena, saqajha x-xellugija ġiet amputata mill-parti tal-għaksa u aktar tard għamlulha riġlejn prostetiċi bil-lewn favorit tagħha li huwa r-roża.

Il-ġenituri tagħha emozzjonaw ruħhom wara li aktar tard mal-ġurnata, hija pruvat tagħmel l-ewwel passi tagħha bl-għajnuna ta’ missierha.

Ommha qalet li l-prostetiċi jieħdu ħafna ħin biex jindraw, imma amettiet li kienet xi ħaġa sabiħa ferm li tara lit-tifla tagħhom tqum fuq saqajha għall-ewwel darba minkejja li għalissa ma tistax tagħmel hekk mingħajr l-għajnuna ta’ xi ħadd.

Ekonomija

Sport