Il-villaġġ popolari ta’ Christmas in the Park organizzat mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika qed jittella’ għat-tielet sena konsekuttiva, ġewwa l-Park Nazzjonali tas-Salini. Għal sena oħra, il-Park tas-Salini ġie ttrasformat f’villaġġ tal-Milied, li jqarreb lin-nies lejn in-natura filwaqt li jesperjenzaw l-atmosfera maġika ta’ dawn il-festi.
“Filwaqt li l-impenn tagħna favur il-ħarsien tal-ambjent huwa s-sena kollha, l-istaġun tal-festi jista’ jkun opportunità sabiex naħsbu fuq il-prattiċi tagħna ta’ kuljum u nsiru aktar konxji dwar l-impatti tagħhom fuq l-ambjent. Avvenimenti pubbliċi bħal Christmas in the Park jagħtu opportunità lin-nies sabiex filwaqt li jgawdu l-ispazji miftuħa tagħna jitgħallmu aktar dwar is-sostenibbiltà. Għalhekk nistiednu lill-familji biex jingħaqdu magħna fil-Park Nazzjonali tas-Salini sabiex filwaqt li jesploraw kif jagħmlu għażliet aktar għaqlin u sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum igawdu l-ħin mal-għeżież tagħhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt il-ftuħ ta’ Christmas in the Park, il-Ħadd filgħodu.
Il-viżitaturi u t-tfal jistgħu jilagħbu, jiltaqgħu ma’ Santa Klaws, jesperjenzaw ir-realtà virtwali, iduqu xorb, ikel u ħlewwiet tradizzjonali tal-Milied, u jgawdu minn divertiment mużikali.
Żona fil-park inbidlet f’The Enchanted Forest, b’diversi effetti ta’ dawl fejn il-familji jistgħu jimxu u jammiraw karattri u strutturi b’tema ambjentali.
L-avveniment ta’ din is-sena jiggarantixxi esperjenza sostenibbli għall-familja kollha, b’diversi entitajiet bħal Saving Our Blue, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent Malta, Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Circular Economy Malta, Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’informazzjoni dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà.
Il-programm tal-attivitajiet waqt Christmas in the Park jinsab fuq christmasinthepark.mt. Fost il-ġimgħa, dan il-villaġġ tal-Milied ikun miftuħ mill-4:30pm sat-8:30pm. Is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi, il-Park jiftaħ fl-10:00am u jibqa’ miftuħ sat-8:30pm. Id-dħul huwa b’xejn.