Sunday, December 22, 2024

Tinfetaħ il-Kappella Neo-Biżantina fil-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għaddiet waqt funzjoni solenni li kienet immexxija mill-Kardinal Mario Grech, infetħet il-Kappella Neo-Biżantina tas-Santissmu Sagrament fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.

Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ sejħet dan il-proġett bħala “bejn żewġ Ġublewijiet” – mibdi fis-snin minnufih wara l-Ġublew il-Kbir tal-2000 u mitmum minn kollox fuq l-għatba tal-Ġublew tat-Tama tal-2025.

Ix-xogħol kollu ta’ dekorazzjoni u arti sagra li sar fuq il-Kappella Neo-Biżantina tas-Santissmu Sagrament fl-aħħar issa jista’ jitgawda fl-isplendur kollu tiegħu, wara li ftit tal-minuti ilu ntemmet iċ-Ċelebrazzjoni Ekumenika Solenni li tulha ġie ttrasportat mill-ġdid fiha Ġesù Ewkaristija.

Kien l-Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia li fil-ftuħ tat-Tielet Millennju tal-Kristjaneżmu welled dan il-proġett straordinarju u ambizzjuż b’tifkira tal-Ġublew il-Kbir tal-Inkarnazzjoni u taċ-Ċentinarju Ġorġjan.

L-ewwel ġebla tqiegħdet fit-23 ta’ April 2002, Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, mill-mibki Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u l-binja kienet lesta sa xi sentejn wara u ddedikata lis-Santissmu Kurċifiss, is-Santissmu Sagrament u l-Ħniena Divina. L-istil magħżul – dak Neo-Biżantin – ried jenfasizza r-rabta tal-komunità Ġorġjana ma’ ħutna tal-Knisja Orjentali, li magħna u qabilna jqimu b’tant għożża lil San Ġorġ Megalomartri.

Għal bosta snin il-kappella, fuq disinn tal-Perit Vincent Centorrino, baqgħet titgawda fuq il-ġebla Maltija tal-franka waqt li tintuża bħala post ta’ qima lis-Santissmu Kurċifiss u s-Santissmu Sagrament miżmum fit-tabernaklu tal-fidda, uniku fid-disinn tiegħu minħabba li jevoka l-pissidi antik li nstab moħbi fis-seklu 19 fil-faċċata tal-Knisja protoparrokkjali ta’ San Ġorġ. L-Ewkaristija tqiegħdet fih għall-ewwel darba fl-2007.

Kien imbagħad bl-enerġija u l-ħidma tal-Arċipriet attwali Mons. Joseph Curmi li dan il-proġett, ideat u mibdi 22 sena ilu, twassal fi tmiemu. Mal-isem tal-ikbar benefattur, il-mibki Mons. Teżorier Carmelo Scicluna, żdiedu dawk ta’ bosta Ġorġjani oħra li taw minn buthom u minn qalbhom biex jaraw dan il-proġett iseħħ sa tmiemu.

Id-ditta ta’ arti sagra mir-Rumanija, Mozaicon, fl-aħħar sentejn għamlet xogħol eċċezzjonali u bl-arti tal-mużajk fl-istil Biżantin biddlet dan l-imkien sagru fi ġnien spiritwali, teżor ta’ arti liturġika u teoloġika, fejn kull xbieha tgħajjat: “Qaddis, Qaddis, Qaddis”.

Kienu bosta l-ħaddiema u voluntiera li kkollaboraw f’dan il-proġett, li issa hu lest biex kull min jidħol f’din il-Kappella, barra li jitpaxxa bil-kapulavur ta’ arti li huwa f’kull sens uniku għall-gżejjer tagħna, jagħti l-adorazzjoni u l-qima mistħoqqa lil Ġesù Ewkaristija, li lilu waħdu jixirqu kull ġieħ u glorja.

Ekonomija

Sport