Il-laqgħa ġenerali annwali ta’ Athletics Malta serviet ta’ riflessjoni fuq il-kisbiet u l-isfidi tal-aħħar sena, b’ħarsa wkoll lejn l-oġġettivi għax-xhur li ġejjin. Mit-tisħiħ tal-kompetizzjonijiet lokali għal żieda fil-parteċipazzjoni f’avvenimenti barra minn xtutna, l-Assoċjazzjoni kompliet tinvesti bis-saħħa fit-tisħiħ tal-atletika f’pajjiżna.
Il-President ta’ Athletics Malta Aldrin Cassar tkellem dwar iż-żieda fl-attivitajiet ta’ Athletics Malta, b’35 avveniment fit-trakka u sitt tiġrijiet fit-toroq tul l-aħħar staġun. Aktar minn hekk, żdiedu sostanzjalment l-atleti Maltin Ii qed jingħataw opportunitajiet biex jikkompetu jew jitħarrġu barra l-pajjiż, grazzi għall-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta, fattur li wassal biex fl-aħħar snin kien hemm titjib konsiderevoli fir-riżultati li qed jinkisbu f’dan l-isport. Madankollu, dan fisser żieda wkoll fir-responsabbiltajiet amministrattivi tal-istess Assoċjazzjoni.
Athletics Malta kompliet tinvesti wkoll fil-faċilitajiet tat-trakka u l-gym fl-Istadium tal-Marsa biex jitgawda kemm mill-atleti lokali kif ukoll minn klabbs u atleti internazzjonali li jagħżlu Malta biex jitħarrġu speċjalment fix-xhur Xitwin.
Minkejja tnaqqis fil-finanzjament disponibbli fl-aħħar sena, Athletics Malta żgurat li tuża r-riżorsi kollha disponibbli b’mod effiċjenti biex l-atleti jieħdu l-aħjar opportunitajiet, u dan qed jiġi rifless f’titjib kontinwu fil-prestazzjonijiet tal-atleti. Athletics Malta issa qed tħares ‘il quddiem għall-kontribut tal-atleti tagħha fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Waqt l-istess AGM, il-membri approvaw ir-Rapport Amministrattiv, imressaq mill-President, u Rapport Finanzjarju, preżentat mit-Teżorier Darren Micallef.
Filwaqt li l-Kunsill attwali dieħel fit-tieni sena tat-terminu ta’ sentejn tiegħu, fil-laqgħa kien hemm bżonn ukoll elezzjoni għal Segretarju Ġenerali wara r-riżenja tas-Sur Nicolai Portelli. Antonella Chouhal kienet eletta f’din il-kariga. Peress li s-Sinj Chouhal kienet membru f’dan l-istess Kunsill, issa teħtieġ issir elezzjoni oħra biex jimtela dan il-post.