Thursday, December 26, 2024

“Tistgħu tgħiduli b’liema għaqal tgħid li 4,000 tifel u tifla huma terroristi?”

Imfakkra l-vittmi taż-żewġ gwerer dinjin 

Aqra wkoll

Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja biex tfakkar il-vittmi taż-żewġ gwerer dinjin. Għal din l-okkażjoni, kienet iċċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann li kienet immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna. 

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal li hekk kif qegħdin infakkru l-vittmi tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa d-dover tagħna lkoll li niftakru u ma ninsewx lill-vittmi kollha tal-gwerer, b’mod partikolari l-500,000 persuna li mietu kawża tal-gwerra fl-Ukrajna u kif ukoll dawk waqt il-kunflitt fl-Iżrael u l-Palestina.

“Kif nistgħu ninsew dak li qed jiġri f’Gaża u Iżrael? Aħna nikkundannaw min ħasad l-1,400 vittma Iżraeljani innoċenti imma nikkundannaw ukoll min qed jikkawża l-mewt ta’ 10,000 Palestinjan, 4,000 minnhom tfal u trabi. Tistgħu tgħiduli b’liema għaqal tgħid li 4,000 tifel u tifla huma terroristi? B’liema għaqal, b’liema wiċċ, b’liema wiċċ? Meta aħna nitilfu s-sens tal-umanità, is-sens tal-proporzjon, naqgħu f’dik il-bluha li l-Mulej jikkundanna u li tagħha rridu nagħtu kont. Il-Mulej idawwal l-qalb tagħna bl-għerf tassew,” tenna l-Arċisqof Scicluna. 

Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta George Vella spezzjona l-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta li ħadet sehem f’din it-tifkira mal-Banda tal-Forzi Armati. Sadanittant, saret ukoll iċ-ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra fil-Floriana. Matul din iċ-ċerimonja tqiegħdu kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni fosthom il-President Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u persuni distinti oħra.

Ekonomija

Sport