Sunday, December 22, 2024

Titjib fil-kundizzjonijiet għall-ħaddiema tal-AWAS

Aqra wkoll

Aktar minn 220 ħaddiem tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS, se jkunu qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet u drittijiet aħjar b’żidiet fis-salarju bażiku eżistenti. L-istess ħaddiema se jgawdu wkoll minn aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u mit-tisħiħ ta’ miżuri oħra eżistenti.

Dan wara li kienu iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi bejn l-AWAS u l-General Workers’ Union fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li jkopru minn ħaddiema fl-inqas grad sa impjegati oħra f’pożizzjonijiet maniġerjali u professjonali. 

Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali, li permezz tiegħu, il-Gvern, qiegħed ikompli jsaħħaħ lill-ħaddiem. Hu spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim ġie konkluż l-ewwel ċiklu ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema fis-setturi tas-sigurtà. Fil-fatt, b’kollox saru ħdax-il ftehim kollettiv fi żmien tliet snin, li l-Ministru Byron Camilleri rrefera għalihom bħala l-aqwa rikonoxximent għall-impenn li juru ta’ kuljum l-istess ħaddiema. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja spjega kif huwa ta’ sodisfazzjon li l-General Workers’ Union għalqet ftehim ieħor mis-sensiela ta’ ftehimiet kollettivi li qed tagħmel din il-unjin, mibnija fuq l-esiġenzi tal-post tax-xogħol u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.   

“Komplejna nibnu fuq djalogu soċjali b’saħħtu, fejn kellna l-awtoritajiet tal-ministeru, kif ukoll tal-AWAS, li fehmu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.

Allura, din hija ġurnata memorabbli li fiha dawn il-ħaddiema se jkomplu jtejbu u jsaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom,” temm jgħid is-Sur Bugeja.

L-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet sar mill-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, rappreżentanti tal-General Workers’ Union fosthom is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u uffiċjali mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport