Saturday, July 4, 2026

Titlesta Triq it-Tabib Anton Tabone f’Ta’ Sannat

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq Triq Anton Tabone, bejn ir-Rabat u Ta’ Sannat, fejn ingħata madwar 1,500 metru kwadru ta’ tarmak bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura f’Għawdex.

Il-Ministru Camilleri stqarr li, “Triq it-Tabib Anton Tabone llum hija kompluta, jew forsi kif inhi magħrufa aħjar, Triq tal-Qasam. Din hija triq li tgħaqqad il-periferija tar-Rabat, Għawdex, ma’ Ta’ Sannat. Hija triq prinċipali li ser tkun qed isservi liż-żewġ lokalitajiet b’mod partikolari, filwaqt li tagħti wkoll aċċess sekondarju kemm lill-Munxar kif ukoll lix-Xewkija.”

Il-proġett kien jinkludi l-installazzjoni ta’ infrastruttura ġdida taħt l-art, fosthom storm water culvert ġdid li ġie konness mas-sistema eżistenti tal-ġbir tal-ilma tax-xita li tinżel mill-Pjazza ta’ Sannat. Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita fl-inħawi u jnaqqas ir-riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ ilma fit-triq.

Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet, ġie installat ukoll cable ġdid għad-distribuzzjoni tal-elettriku mill-Enemalta, filwaqt li tlestiet l-infrastruttura għas-servizz tan-New Water biex il-bdiewa li joperaw fl-inħawi jkollhom aċċess aħjar għal ilma għat-tisqija, b’benefiċċju dirett għas-settur agrikolu Għawdxi.

Il-Ministru Camilleri żied jgħid li, “Dan il-proġett huwa parti mill-programm estensiv ta’ toroq li bħalissa għaddejjin bix-xogħlijiet fuqhom, u parti wkoll mill-programm ta’ toroq li ser inkomplu nagħfsu sabiex jitwettqu fix-xhur u fis-snin li ġejjin. L-infrastruttura fil-gżira ta’ Għawdex ser tibqa’ prijorità, kemm fejn jidħlu t-toroq arterjali kif ukoll, b’mod partikolari, dawk residenzjali.”

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi tenna l-impenn tiegħu li jkompli jinvesti fi proġetti infrastrutturali li jtejbu l-konnettività, is-sigurtà fit-toroq u l-kwalità tal-ħajja tal-familji Għawdxin u dawk kollha li jżuru Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport