Saturday, July 4, 2026

Ambizzjoni li titkejjel mill-kwalità tal-esperjenza li noffru

- il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum, l-ambizzjoni tagħna m’għadhiex titkejjel sempliċiment bin-numru ta’ viżitaturi li nilqgħu. Titkejjel mill-kwalità tal-esperjenza li noffru, mill-valur li t-turiżmu joħloq għall-ekonomija tagħna u mill-impatt pożittiv li għandu fuq il-komunitajiet u l-ambjent tagħna. Il-futur tat-turiżmu Malti jiddependi fuq kif insibu dan il-bilanċ tajjeb.” 

Iddikjara dan il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela f’diskors li għamel waqt il-Forum tal-Ospitalità ta’ Malta mtella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) bit-tema “Dinja ta’ Opportunità”. 

Il-Ministru Abela beda biex stqarr li din it-tema tirrifletti l-viżjoni li dan il-Gvern ippreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi. Viżjoni li ma tħarisx biss lejn it-tkabbir ekonomiku iżda li tiżgura li l-opportunitajiet jissarrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. 

Huwa nnota kif fl-aħħar snin, Malta stabbiliet ruħha bħala waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin fil-Mediterran. “It-turiżmu sar wieħed mill-akbar stejjer ta’ suċċess tagħna, fejn inħolqu eluf ta’ impjiegi, kompla jingħata l-appoġġ lin-negozji filwaqt li kkontribwixxa b’mod sinifikanti għar-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Abela. 

Huwa kompla jgħid li “rridu nkomplu nikbru, iżda rridu nikbru b’għaqal. Irridu nattiraw viżitaturi li japprezzaw dak kollu li toffri Malta, filwaqt li niżguraw li r-residenti tagħna jkomplu jgawdu kwalità ta’ ħajja għolja. Il-kwalità u l-kwantità għandhom jikkumplimentaw lil xulxin, mhux jikkompetu bejniethom.”

“It-turiżmu jolqot kull aspett tal-ħajja nazzjonali. Jiddependi fuq infrastruttura moderna, toroq nodfa, spazji pubbliċi sbieħ u ambjent protett. Jiddependi fuq il-wirt kulturali rikk tagħna, fuq l-ospitalità tagħna, fuq is-servizzi ta’ sigurtà tagħna u fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna.”

Il-Ministru Abela tenna li l-Gvern, l-industrija turistika, l-MHRA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Kunsilli Lokali u s-settur privat għandhom ikomplu jaħdmu bħala msieħba ġenwini. Qal li s-suċċess jiddependi fuq “l-abbiltà tagħna li nikkordinaw l-isforzi tagħna, nallinjaw il-prijoritajiet tagħna u niffukaw fuq riżultati fit-tul, aktar milli gwadann għal żmien qasir.”

Huwa temm jesprimi t-twemmin sħiħ tiegħu li l-aqwa soluzzjonijiet jinstabu meta l-Gvern u l-industrija jaħdmu flimkien, jisimgħu lil xulxin u jaqsmu r-responsabbiltà għall-futur li jridu jibnu. 

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Dr Alex Perici Calascione qal li t-turiżmu poġġa lil Malta u lil Għawdex fuq il-mappa internazzjonali bħala destinazzjoni magħrufa għall-istorja tagħha, l-ospitalità, il-klima, il-kultura u l-identità Mediterranja awtentika tagħha. 

Dr Perici Calascione qal li l-isfidi li Malta qiegħda taffaċċja llum m’għadhiex sempliċiment dwar kif se nattiraw aktar viżitaturi iżda kif nibnu industrija turistika li tkun ekonomikament b’saħħitha, sostenibbli ambjentalment, soċjalment responsabbli u li kapaċi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi. 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard tenna li l-messaġġ li għandu jitwassal kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq dak Ewropew hu dak li rridu nkomplu nikbru imma rridu nikbru fid-direzzjoni t-tajba. 

Attard qal li għal ħafna snin, it-turiżmu kien storja ta’ suċċess għal pajjiżna u n-numri qed juru proprju dan. Huwa nnota wkoll li fuq livell Ewropew, il-problema mhix it-turiżmu. “Il-problema tkun jekk it-tkabbir isir mingħajr pjanar xieraq.”

Huwa tenna jgħid li d-destinazzjonijiet li se jkunu qed jiksbu suċċess fid-deċennji li ġejjin se jkunu dawk li huma reżiljenti, konnessi, sostenibbli u fuq kollox, ġestiti b’mod tajjeb. 

Fil-ftuħ ta’ dan il-forum, il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat qal li “tul is-snin ħdimna ħafna flimkien b’dedikazzjoni u impenn. Dak kien is-sigriet tas-suċċess tagħna, li noħolqu opportunitajiet differenti. Għall-futur, iżda, irridu niffukaw fuq l-opportunitajiet it-tajba.” 

Fl-istess forum sar ukoll intervent mill-President tal-MHRA Tony Zahra filwaqt li ngħata rikonoxximent lil Dr Mario De Marco għas-servizz u l-kontribut tiegħu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport