Saturday, July 4, 2026

MALTA B’POTENZJAL FL-INDUSTRIJA TAL-FILMS

Aqra wkoll

Ir-raba’ edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival ġie fi tmiemu l-Ħadd li għadda b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ li esponiet aktar il-potenzjal li għandha Malta fl-industrija internazzjonali tal-films.

Dan l-avveniment bla dubju serva ta’ vetrina biex din l-industrija f’pajjiżna tibqa’ tikber u tiffjorixxi. Il-fatt li Malta issa għandha l-ħila li tattira films ta’ ċertu portata, jawgura tajjeb għaż-żmien li ġej kemm bħala riklam turistiku għal pajjiżna u anke bħala kontribut li din l-industrija tista’ tagħti lill-ekonomija nazzjonali. Tant hu hekk li dan l-aħħar issemma kif l-industrija tal-films f’pajjiżna kkontribwiet madwar €1.5 biljun fl-ekonomija nazzjonali, waqt li sostniet aktar minn 15,000 impjieg fl-aħħar tmien snin. 

Lil hinn minn dan, il-Mediterrane Film Festival qiegħed ukoll iservi ta’ pjattaforma ta’ marketing li jattira l-investiment barrani lejn pajjiżna. Il-prestiġju ta’ dan il-festival joħroġ mill-fatt li pajjiżna qed ikompli jkabbar il-fama tiegħu li joffri pjattaforma lill-aqwa xogħlijiet ċinematografi Mediterranji u anke lil hinn. 

F’dan il-kuntest ukoll ninnutaw l-isforzi tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films biex jiġu attirati aktar produzzjonijiet lejn Malta iżda fuq kollox li jinħolqu aktar karrieri ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin f’din l-industrija.

Naqblu għalhekk li tul l-aħħar disa’ snin, Malta saret waħda mill-postijiet l-aktar imfittxija fl-Ewropa biex tiffilmja, b’kalendarju mimli produzzjonijiet internazzjonali.

Pakkett ta’ inċentivi b’saħħtu għamel dan possibbli, iżda hemm elementi oħra kruċjali biex dan iseħħ bħal kwalità tal-crew u t-temp favorevoli tal-pajjiż. Magħħom hemm l-enerġija bla waqfien tal-ħidma tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li minkejja t-triq tiegħu dejjem kienet għat-tela’ matul is-snin baqa’ għaddej jaħdem biex iġib lejn pajjiżna l-aqwa ismijiet fil-produzzjonijiet tal-films u ħoloq ħafna xogħol għall-Maltin.

Nemmnu li Malta għandha kapaċità li tkompli tilħaq l-għanijiet tagħha f’dan is-settur. Diġà nkisbu riżultati notevoli imma għad fadal xi jsir biex jintlaħqu l-miri ppjanati sabiex pajjiżna jkompli jeċċella f’dan il-qasam. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li dak li dawn ir-riżultati pożittivi qed joħolqu pedament sabiex ikollna industrija tal-films ta’ livell dinji f’Malta. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport