Igħidulna li għandna aktar sodod f’lukandi milli hemm bżonn u ma nifilħux aktar. Imma jekk hu hekk, għaliex hemm daqstant lukandi li baqgħu jinbnew?
Nisimgħu kif hemm bżonn li l-kwalità tat-turisti titjieb. Forsi għalhekk li aktar lukandi qed jinbnew: biex joħolqu ħażna ta’ sodod ġodda li jkunu ta’ kwalità għolja? Imma jekk hu hekk, għaliex fost bini ġdid li tiela’ jew bini li qed jiġi rranġat biex isir lukandi, insibu anke hostels?
Intqal tajjeb dan l-aħħar li awtorità tat-turiżmu li qiegħda hemm biex tippromwovih, ftit tista’ tkun adatta biex tirregolah u żżommu lura milli jespandi “bl-addoċċ”. Irid ikun hemm min jippromwovi, u xi ħadd ieħor biex jissorvelja u jirregola. Dil-lezzjoni tgħallimniha f’oqsma oħra, bħall-manifattura, is-servizzi finanzjarji u l-kumnikazzjoni. Stramb kif baqgħet ma ġietx imdaħħla fil-qasam tat-turiżmu.
FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA
Tradizzjonalment, il-professjoni li hi l-aktar rappreżentata fil-Parlament u fi kwalunkwe gvern hi dik legali. Wieħed kien jistenna għalhekk li fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-problemi u l-isfidi li jinqalgħu, kemm minn jum għal jum, kemm strateġikament fuq medda tat-tul, se jingħataw priorità. Mhux hekk ġara. Dal-qasam baqa’ wieħed fejn donnu kulħadd jaċċetta li l-ħidma għat-titjib jew mhix tirnexxi biżżejjed jew waqgħet lura.
Dil-ħaġa tibqa’ tiġi konfermata mill-informazzjoni kważi kuntradittorja li tibqa’ tingħata. Dwar pereżempju – kif imqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra u mal-popolazzjoni tagħhom, għandna l-iċken numru ta’ ġudikanti. Imma fil-qrati, igħidulna, xorta m’hemmx awli biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħteġiet tal-ġudikanti. Waqt li għat-tmexxija tal-qrati inħarġu fl-aħħar snin fondi ġodda sostanzjali, xorta baqa’ nuqqas sostanzjali ta’ nies imħarrġa u apparat meħtieġ biex ikunu jistgħu jaħdmu tajjeb…
X’inhu li baqa’ jżomm l-affarijiet daqshekk staġnati?
L-UKRAJNA FL-UNJONI
Numru ta’ membri tal-Unjoni Ewropea ilhom issa jagħmlu pressjoni biex – kif tixtieq l-Ukrajna – lil dal-pajjiż tinfetaħlu malajr kemm jista’ jkun it-triq biex isir membru tal-Unjoni. Hi ħaġa stramba għaliex dan għandu jsir, meta għall-pajjiżi tal-Balkani (biex ma nsemmux lit-Turkija) sħubija ta’ malajr baqgħet tiġi posposta għal numru kbir ta’ snin.
L-istess raġunijiet dwar dan għandhom japplikaw għall-Ukrajna daqskemm japplikaw għalihom – l-aktar fosthom fil-mod kif il-liġijiet ekonomiċi u soċjali għad iridu jinġabu qrib ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. Il-pressjoni biex l-Ukrajna “tidħol” malajr fl-Unjoni qed issir bħala tweġiba soda għall-agressjoni Russa. Biss, ikun żball kbir jekk is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tal-Ukrajna titqies bħala inizjattiva oħra biex tagħmel pressjoni fuq ir-Russja.
Qabel ir-rabta ta’ sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea tiġi kkunsidratata bis-serjetà, ikun aħjar li l-ewwel, tkun intemmet il-gwerra bejn Russja u Ukrajna – għal bosta raġunijiet.


