Thursday, March 20, 2025

Titnieda inizjattiva importanti dwar l-ilma tal-vit

Aqra wkoll

“Żammejna l-wegħda tagħna li nipprovdu l-aqwa ilma tal-vit li qatt kellha Malta. Issa nixtiequ naraw il-familji Maltin jużaw bis-sħiħ din ir-riżorsa billi jinstallaw activated carbon filters li jkomplu jtejbu t-togħma. Il-Gvern se jkun qed jipprovdi għajnuna lin-nies biex jixtru dawn il-filters.”

Dan intqal mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli waqt it-tnedija ta’ inizjattiva importanti li tippromwovi l-konsum tal-ilma tal-vit. Flimkien ma’ titjib sinifikanti fit-togħma tal-ilma madwar il-Gżejjer Maltin, l-użu ta’ activated carbon filter se jagħmilha aktar faċli biex in-nies jixorbu l-ilma tal-vit. Permezz tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, inħarġet ukoll skema ta’ għajnuna għal dawn il-filters.

L-inizjattiva, bit-tema ‘Iftaħ u Ixrob’, tirrappreżenta mument kruċjali fl-istorja tal-immaniġġjar tal-ilma f’Malta, billi qed tintroduċi titjib bla preċedent fid-distribuzzjoni tal-ilma.

Matul it-tnedija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ħabbret li, permezz tal-investimenti li saru fl-aħħar snin, qed iwassal sabiex it-togħma tal-ilma tal-vit madwar Malta u Għawdex tkun l-istess fil-lokalitajiet kollha, hekk kif fl-imgħoddi t-togħma kienet tvarja minn lokalità għall-oħra. Dan sar possibbli permezz ta’ investimenti sostanzjali fin-netwerk tal-ilma tax-xorb.

Wara titjib li sar mill-WSC, l-ilma tal-vit f’Malta qed ikompli jaqbeż l-istandards Ewropej l-aktar stretti f’dak li jirrigwardja sigurtà u togħma. It-titjib li sar fil-provvista nazzjonali tal-ilma jinkludi:

  • Tnaqqis ta’ 30% fil-livelli tal-chlorides u l-chlorine;
  • ’Il fuq minn 70% tal-provvista issa ġejja mir-reverse osmosis, li tiżgura kwalità superjuri;
  • Żona waħda unifikata ta’ kwalità tal-ilma għal togħma li tkun konsistenti fil-lokalitajiet kollha;
  • Għotja ta’ 60% (b’massimu ta’ €100) għal activated carbon filters għad-djar, liema għotja se tkun amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).

Il-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia enfasizza l-kisbiet tekniċi li kisbet il-korporazzjoni, “Permezz ta’ snin ta’ xogħol dedikat u proġetti kofinanzjati mill-UE, ilħaqna standards ta’ kwalità tal-ilma li jpoġġu lil Malta fost l-aqwa 20 pajjiż fid-dinja għas-sigurtà tal-ilma tal-vit. B’investimenti importanti fin-netwerk, issa tejjibna b’mod sinifikanti t-togħma, li issa ġiet armonizzata madwar il-Gżejjer Maltin.”

L-iskema ta’ għotjiet għall-activated carbon filters se tibda fis-26 ta’ Marzu 2025. Skont il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, din il-miżura, “tagħti s-setgħa lill-familji biex itejbu t-togħma tal-ilma tal-vit billi jneħħu r-residual chlorine filwaqt li jżommu l-benefiċċji kollha ta’ provvista moderna li hija mmonitorjata bir-reqqa.” L-inizjattiva tal-ilma tal-vit tissostitwixxi l-iskema tal-water guard, bl-għotja tiżdied minn 40% għal 60%. Sadanittant, l-iskemi tar-Reverse Osmosis eżistenti se jibqgħu l-istess – dan jirrifletti l-impenn tal-Gvern lejn l-għażla tal-konsumatur.

Waqt it-tnedija, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci stqarret biċ-ċar li l-ilma tal-vit dejjem kien tajjeb għax xorb. Madanakollu issa ġiet indirizzata wkoll it-togħma tal-ilma. “Kien hemm il-perċezzjoni li l-ilma ma kienx tajjeb minħabba t-togħma tiegħu. L-ilma tal-vit kien u għadu sigur, iżda t-togħma issa qed titjib ukoll.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport