Sunday, December 22, 2024

Titnieda istituzzjoni edukattiva speċjalizzata oħra

Il-Ministru Clifton Grima jisħaq li dan huwa tragward importanti fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Ascencia Malta hija istituzzjoni edukattiva speċjalizzata oħra li tnediet f’pajjiżna biex hekk Malta se tingħaqad ma’ kampus oħrajn madwar id-dinja, li huma kollha parti minn din l-istituzzjoni prestiġjuża. Issa din l-istituzzjoni għandha l-kampus tagħha f’Malta flimkien ma’ dawk f’Pariġi, Dakar, Dubai, Valencia u Washington.

Ascencia Malta kienet inawgurata uffiċjalment mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, li ddeskriva l-okkażjoni bħala tragward importanti fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna. “Ascencia Malta hija istituzzjoni mibnija fuq il-pedament ta’ eċċellenza akkademika, innovazzjoni, u impenn profond biex tiżviluppa s-suċċess fis-settur speċjalizzat tagħha,” qal il-Ministru Grima.

Fl-aħħar sentejn minn meta twaqqfet, mill-kampus modern fil-Furjana, Ascencia Malta diġà għamlet passi kbar, u għandha l-programmi akkademiċi tagħha akkreditati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA). Il-programmi kollha huma rikonoxxuti mill-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u appoġġjati mill-Erasmus+ u l-inizjattiva Get Qualified ta’ Malta. Ascencia Malta toffri firxa wiesgħa ta’ programmi, minn Bachelor sa Masters u Dottorati, bi speċjalizzazzjoni f’oqsma bħal Amministrazzjoni tan-Negozju, Xjenza tal-Kompjuters, Immaniġġjar, Imprenditorija u ħafna oħrajn.

Dawn il-programmi huma mfassla minn esperti fl-industrija biex jipprovdu lill-istudenti esperjenzi prattiċi li jservuhom għad-dinja professjonali. L-istituzzjoni hija impenjata li tipprovdi edukazzjoni ħolistika li taqdi l-bżonnijiet tal-ekonomija globali tal-lum. Waħda mill-punti ewlenin b’saħħithom tal-istituzzjoni hija l-portata internazzjonali tagħha. Ascencia Malta hija parti min-network tal-College de Paris li tospita fakultà u studenti minn madwar id-dinja.

Tess Giordmaina, Direttur ta’ Ascensia Malta spjegat li l-Istituzzjoni Edukattiva hija mibnija fuq bażi soda ta’ integrità akkademika u eċċellenza flimkien ma’ impenn lejn it-tagħlim u l-promozzjoni tal-għarfien u s-suċċess tan-negozju. Ascencia Malta topera bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, skola tal-lingwa Ingliża, u skola online b’liċenzja sħiħa. Din is-sena qiegħda tilqa’ studenti minn 15-il pajjiż differenti reġistrati f’varjetà ta’ korsijiet minn livell ta’ undergraduate sa livell ta’ Master.

“M’għandix dubju li dawn l-istudenti se jiksbu suċċess kbir, mhux biss f’Malta imma madwar id-dinja, bħala ambaxxaturi tal-edukazzjoni ta’ kwalità għolja li rċevew f’pajjiżna,” sostna l-Ministru Clifton Grima. Huwa qal li din l-Istituzzjoni għandha futur sabiħ, kemm il-kampus f’Malta u aktar importanti, l-istudenti tagħha.

“Nawgura żvilupp kontinwu u suċċess lil Ascencia Malta fil-kontribut għall-formazzjoni tal-futur tal-edukazzjoni f’Malta u lil hinn,” temm jgħid il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima.

Ekonomija

Sport