Sunday, November 24, 2024

Titnieda kampanja ġdida ‘ArtWorks’ li se żżid aktar għarfien dwar l-edukazzjoni tal-arti u opportunitajiet ta’ karrieri fis-settur tal-arti u l-kreattività

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, nieda kampanja ġdida bl-isem ta’ ArtWorks li hi mmirata li żżid aktar għarfien dwar opportunitajiet edukattivi u ta’ karrieri fis-setturi tal-arti u dawk kreattivi f’Malta.

Il-kampanja se tagħti prijorità li tavvanza l-irwol tal-arti fis-sistema edukattiva. Din il-kampanja għandha taħlita ta’ strateġiji ta’ reklamar diġitali u tradizzjonali, kif ukoll avvenimenti edukattivi, u b’dan il-mod se tikkultiva apprezzament aktar profond għall-arti u trawwem komunità tal-arti aktar vibranti u inklussiva f’Malta.

“Il-Gvern dejjem insista fuq l-importanza tal-industriji kulturali u kreattivi fejn jidħol il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u sostenibbli. Permezz ta’ dan l-investiment f’din il-kampanja, se nkunu qed nitkellmu favur il-potenzjal sħiħ tal-arti meta mwaħħda b’mod kreattiv mal-intraprenditorija u l-innovazzjoni”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-kampanja ArtWorks iġġib flimkien diversi oqsma strateġiċi li huma parti mill-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp, l-investiment pubbliku, u d-diversità u l-komunitajiet, kif ukoll l-intraprenditorija kreattiva.

Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet, “L-Istrateġija tal-Kunsill ġiet iddisinjata biex tiftaħ opportunitajiet ġodda permezz ta’ kollaborazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet u prattikanti kulturali. Il-Kunsill diġà għamel avvanzi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, bl-industrija kreattiva u tal-arti f’Malta tesperjenza tkabbir sinifikanti fis-snin li għaddew, li twassal għal żieda fl-opportunitajiet tal-impjieg.”

Hija kompliet tispjega li l-kampanja ArtWorks se tindirizza nuqqasijiet eżistenti edukattivi fis-settur tal-arti. Dan filwaqt li l-kampanja se tkompli tinkoraġġixxi aktar individwi biex jesploraw u jsegwu karriera fl-arti.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kampanja ArtWorks, żur www.artscouncilmalta.gov.mt.

Sport