Sunday, December 29, 2024

Titnieda l-kampanja “Qatt Mhu Tard” bil-għan li tgħin anzjani jwettqu l-ħolm tagħhom

Aqra wkoll

Ġiet imnedija l-kampanja “Qatt Mhu Tard” mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), bil-għan li tgħin persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena jwettqu l-ħolm tagħhom. L-iskop ta’ din l-inizjattivi hi li l-anzjani jkollhom l-opportunità li jagħmlu dak li dejjem xtaqu iżda qatt ma kellhom iċ-ċans li jwettqu.

L-ewwel fażi tal-kampanja se tkun qed tiffoka fuq il-mużika, fejn l-anzjani qed jiġu mħeġġa jissottomettu proġetti mużikali li dejjem xtaqu jwettqu. Għal dan l-iskop, ġiet allokata s-somma ta’ għaxart elef ewro biex tgħin lill-parteċipanti jwettqu l-ħolm tagħhom. Filwaqt li din l-ewwel sejħa hija ffukata fuq il-mużika, l-AACC għaddejja b’ħidma biex tespandi din l-inizjattiva għal oqsma oħra ta’ arti u ħiliet, inkluż letteratura, arti viżiva, drama, u snajja’ tradizzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, enfasizza l-valur ta’ din il-kampanja bħala mezz biex l-anzjani jibqgħu impenjati u involuti fil-ħajja tagħhom. “Din il-kampanja hija opportunità biex l-anzjani jwettqu l-ħolm tagħhom. L-anzjanità m’għandhiex tkun meqjusa bħala perjodu ta’ tmiem, iżda bħala fażi oħra fil-ħajja fejn wieħed jista’ jkompli jsegwi l-passjonijiet tiegħu,” qal is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele u s-Sur Joe Aquilina, anzjan li jaqleb diski spiritwali bil-Malti u jużahom biex iferraħ in-nies fid-djar residenzjali. Dr Degabriele spjega kif din l-inizjattiva mhux biss tipprovdi għajnuna finanzjarja, iżda wkoll tippromwovi l-kollaborazzjoni interġenerazzjonali billi tgħaqqad lill-anzjani mal-artisti żgħażagħ.

Għal aktar informazzjoni, kemm fuq din l-inizjattiva kif ukoll fuq servizzi oħra offruti mill-AACC, tista’ tagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, jew iżur l-uffiċini f’3, Triq Żekka, il-Belt Valletta, jew iżur is-sit elettroniku aacc.gov.mt. F’Għawdex, persuna tista’ tagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788238, jew iżur l-uffiċini f’39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.

Ekonomija

Sport