Thursday, January 23, 2025

Titnieda mill-ġdid l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-kiri ta’ fond għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2026

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda għat-tieni sena konsekuttiva l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja sabiex individwi u organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jikru fond li fih jinbnew karrijiet jew maskri grotteski għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2026.

Il-Ministru Camilleri qal, “B’din l-inizjattiva, qed inkomplu nagħtu s-saħħa lill-Karnival ta’ Għawdex, li huwa parti importanti mill-identità kulturali tagħna u jiġbed udjenza dejjem akbar kemm minn Malta kif ukoll minn barra. Din hija wkoll opportunità biex insaħħu l-ekonomija lokali b’mod dirett u indirett.”

Kull applikant jista’ jingħata għotja sa massimu ta’ €25,000 fis-sena jekk jibni l-karrijiet u sa massimu ta’ €10,000 fis-sena jekk jibni l-maskri grotteski, li fiż-żewġ każi jkunu jkopru l-kera tal-fond.  Il-fond irid jinkera għal perjodu minimu ta’ sena, b’possibbiltà ta’ estensjoni fuq bażi annwali.

“Din l-iskema hija xhieda tal-impenn tagħna biex insaħħu l-wirt kulturali u ninkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni fil-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex. L-għan tagħna hu li noffru aktar opportunitajiet għal dawk kollha li għandhom talent u jaħdmu qatigħ sabiex ta’ kull sena joffru dan l-ispettaklu ta’ kuluri,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li din l-inizjattiva hija pass ieħor ’il quddiem biex il-Karnival jibqa’ jikber u jirnexxi u Għawdex ikompli jattira lejh aktar viżitaturi anki f’dan iż-żmien tas-sena.

L-applikazzjonijiet għall-iskema jinsabu miftuħin għal perjodu ta’ xahar. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru online fuq is-sit elettroniku https://gozo.gov.mt/ jew jiġu ppreżentati personalment fl-Uffiċċju Prinċipali tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, 11, Triq it-Telgħa tal-Kastell, ir-Rabat, Għawdex.

Dawk interessati huma mħeġġa jikkonsultaw il-Linji Gwida u r-Regolamenti disponibbli fuq is-sit elettroniku biex jiżguraw li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà. Bord tal-Għażla, maħtur mill-Ministeru, ser janalizza kull applikazzjoni sabiex jiżguraw li t-tali jilħqu l-kriterji stabbiliti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport