Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jkun qed iwaqqaf Chamber Orchestra fi ħdan l-istruttura amministrattiva tat-Teatru Manoel. Din ic-Chamber Orchestra se tkun qed tiġi msemmija għal De Valette, il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann li taħtu kienet ġiet imwaqqfa l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna.
Din l-inizjattiva ser toffri kemm opportunità ġdida lill-mużiċisti u kif ukoll se tagħti esperjenzi ġodda lill-udjenzi fil-kamp taċ-Chamber Music.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li d-De Valette Chamber Orchestra se tkun xempju ta’ eċċellenza kulturali u fiha innifisha se tkun opportunità li tesebixxi l-wirt mużikali ta’ Malta u ’lil hinn mhux biss lokalment imma anke internazzjonalment. Huwa qal li bis-saħħa ta’ din ic-Chamber Orchestra se jitrawwem ukoll apprezzament aktar profond u speċjalizzat għaċ-Chamber Music fost udjenzi ta’ kull età.
Il-Ministru kompla li l-għan ta’ din l-inizjattiva hi li d-De Valette Chamber Orchestra tgħaqqad lill-mużiċisti u lill-udjenzi f’ċelebrazzjoni mużikali f’dan il-ġeneru tant imfittex biex b’hekk tistabbilixxi postha bħala parti importanti tal-identità kulturali ta’ Malta.
Id-De Valette Chamber Orchestra se tkun qed ittella’ bejn sitt u għaxar kunċerti annwali, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, fejn se tkun qed idoqq repertorju vast li jvarja minn kompożizzjonijiet klassiċi sa kompożizzjonijiet kontemporanji. B’hekk l-orkestra se tkun qed isservi bħala ambaxxatriċi kulturali, u tesebixxi l-wirt mużikali rikk ta’ Malta fuq livell globali.