Tuesday, April 30, 2024

Tlabt ħdejh… u ftakart fi kliem ‘ejja nħobbu lil xulxin għax il-ħajja tgħaddi malajr’ – Patri Mario Attard

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kelli l-grazzja li lbieraħ inkun ħdejn Dr Victor Calvagna,  nitlob.  Ħassejt fil-qalb tiegħi li kelli nkun viċin tiegħu anki f’dan il-mument diffiċli. U mort ħdejh. Kienet mument partikolari. Ma kien hemm ħadd ħdejh. Konna jien u hu. Kienet esperjenza. Mument fejn turi l-imħabba vera għal oħrajn, lil bniedem li ħajtu kienet servizz kontinwu ma jaqta’ xejn ma’ tfal morda u l-ġenituri tagħhom. Dak il-mument, kont taħt xokk. Hemmhekk ħdejh bdejt nistaqsi imma possibbli li ġara hekk. Ngħid imma li ħassejt paċi ukoll. Hemmhekk ftakart fi kliem poeta Pollakk li kien jgħid ‘ejja nħobbu lil xulxin għax il-ħajja tgħaddi malajr.’”

Hekk ġie deskritt ma’ talk.mt il-mument qasir li  Fr Mario Attard, patri Kappuċċin li joffri s-servizz spiritwali fl-isptarijiet, għamel ħdejn il-Professur Victor Calvagna fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Fr Mario jiddikjara ma’ dan is-sit li “dak  li nista’ ngħidlek hu li Victor kien  bniedem eżemplari. Tabib ta’ veru. Dedikat. Missier. Ara kemm għen pazjenti, tfal u ġenituri anke meta jsiefru. Hawn l-isptar kien iservi  b’dedikazzjoni kbira.  Għalija hu bniedem kbir.  Ngħid bniedem ta’ Alla. Li tagħti l-ħajja tiegħek għal pazjenti b’dan il-mod. trid tkun iddedikat. Għalija jibqa’ bniedem ta’ ispirazzjoni. Ifakkarni  f’San Giuzeppe Moscati, dak it-tabib f’Napli.”

Il-patri Kappuċċin jgħidilna li “biżżejjed inħarsu lejn ir-rata li biha bdew ifiqu l-pazjenti bil-kura tiegħu. Minn rata ta’  40 fil-mija, ir-rata ta’ fejqan telgħet għal 80 fil-mija. Din turik kemm ir-ragel studja. Kemm ħadem u irsistna biex ikun ta’ appoġġ. Il-biċċa ta’ xogħol li ddedika l-midalja lil Jake ukoll turik kemm kien iħoss għal pazjenti tiegħu. Dr Calvagna hu professjonist kbir imma jien narah aktar lil hemm. Ħajtu kienet li jikkura lin-nies.  Dan ma kienx tabib mhux biss ġol-isptar imma anke barra.  Kien ikun viċin anke meta jmut xi ħadd kien jattendi l-funeral. Ma kienx tabib fil-ħin tax-xogħol imma kien jestendi l-kurra barra u kien ikun viċin in-nies. Mhux biss il-mediċina biss kienet importanti għalih imma kien jara anke ir-relazzjoni mal-familji tal-pazjenti tiegħu. Kellu qalb kbirA u kien kapaċi f’xogħlu. Niddeskrivieh b’kelma waħda….dan ir-raġel kien barka għal ħafna nies”.

“Ir-relazzjoni tiegħi miegħu… kienet sabiħa ħafna”

Fr. Mario jikkummenta li “n-nies imorru wara min iħossu li qed jagħmlilhom il-ġid. Bniedem li jisma’, hekk nafu jien.  Kien japprezza. Jien ġeneralment fil-5 ta’ filgħaxija ninżel u nitlob mal-ġenituri u staff. Meta ltqajt miegħu kienu mument sbieħ. Kont narah li hu bniedem rispettuż u anke kont nara bniedem li kellu ftuħ għall-fidi. Kien bniedem li japprezza ix-xogħol tagħna mil-lat spiritwali. Kont ngħidlu qed nitlob għalik u beriktu kemm-il darba. Kien bniedem li l-fidi kien jagħtiha spazju fil-ħajja tiegħu u kellna relazzjoni sabiħa. Ġieli anke tlabna ftit flimkien. Il-mumenti li ltqajt miegħu kienu verament sbieħ. Ir-Rainbow Ward kienet f’idejh. Kien jappoġġja l-inizjattivi li nagħmlu u sibna bibien miftuħin biex naħdmu spiritwalment. Din kienet tfisser ħafna għalina”. 

Jenfasizza li “għalhekk jiddispjaċini ħafna għal li gralu.  Kellu preżenza silenzjuża. Ma kienx persuna jitkellem ħafna. Jaħdem ħafna u ssibu ta’ spalla u jħallik taħdem. Dik sabiħa wisq.

“Fir-Rainbow Ward hawn niket kbir”

Fr Mario mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fir-Rainbow Ward fl-aħħar jiem, qal li “fir-Rainbow Ward hawn niket kbir. Dan juri id-dispjaċir ta’ meta titlef lil xi ħadd għażiż u li kien apprezzat . Kelli l-grazzja li lbieraħ inkun ħdejh nitlob. Ħassejt fil-qalb tiegħi li kelli nkun viċin tiegħu anki f’dan il-mument difficli. U mort ħdejh. Kienet mument partikolari. Ma kien hemm ħadd ħdejh. Konna jien u hu. Kienet esperjenza. Mument fejn turi l-imħabba vera għal oħrajn, lil bniedem li ta’ ħajtu b’servizz.”

Dak il-mument, “kont taħt xokk. Hemmhekk ħdejh, nistaqsi imma possibbli li ġara hekk. Ngħid imma li ħassejt paċi ukoll. Hemmhekk ftakart fi kliem poeta Pollakk li kien jgħid ‘ejja nħobbu lil xulxin għax il-ħajja tgħaddi malajr.”   Jien ngħid li l-monument tiegħu jibqgħu l-eluf ta’ persuni li għen. Monument ieħor hu Puttinu….il-monument l-ieħor hu l-ġentilezza li kellu. Bnieden li għen ħafna nies. Għalija jibqa’ dawl u eżempju ta’ xi tfisser li taħdem mal-pazjent.”

Jgħidilna li “nixtieq li ‘l quddiem f’Malta ikun hemm xi ktieb li fih jinġabru l-ħajjiet ta’ dawn it-tobba kbar li ħallew impatt”.

Sport