Friday, January 17, 2025

Tlesta l-ewwel community garden fil-Qajjenza

Aqra wkoll

Żona li kienet mitluqa għal kollox issa nbidlet f’ġnien li se tgawdi minnu l-komunità ta’ Birżebbuġa.

Dan huwa l-ewwel community garden kif ukoll l-ewwel spazju miftuħ f’din iż-żona, aċċessibbli għan-nies ta’ kull età u abbiltà.

Bħala parti minn dan il-proġett tħawlu diversi siġar u arbuxelli, u biex il-ġnien ikun aċċessibbli għal kulħadd, ġew installati rampi biex jgħaqqdu żewġ toroq maġenb xulxin.

Ġew introdotti 200 metru ta’ passaġġi għal-mixi u ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn tyres u plastik riċiklat.

“Il-Qajjenza huwa post urban ħafna li qatt ma kellu post ta’ rikreazzjoni, u llum għandu l-ewwel ġnien. U dan mhux se jkun l-unika wieħed għaliex għandna proġetti oħra ppjanati għaż-żona tal-Qajjenza. Dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ kif qed nittrasformaw spazji urbani aktar sostenibbli għal komunità. F’dan il-każ, se jgawdu minnu aktar minn elf familja li jgħixu viċin din iż-żona. Dawn l-inizjattivi huma parti minn pjan usa’ biex insebbħu pajjiżna billi nipprovdu spazji miftuħa, żgħar u kbar, f’kull lokalità,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

75% tal-materjal użat f’dan il-proġett huma kompletament sostenibbli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield faħħar lill-ħaddiema ta’ Clean Malta u spjega kif permezz ta’ ħidmiethom ukoll twassal dan l-ewwel community garden fil-Qajjenza. “Dan hu mezz kif entitajiet differenti jistgħu jaħdmu flimkien għal għan wieħed, il-ġid tan-nies. Clean Malta u Project Malta ħadmu flimkien u llum kulħadd jista’ japprezza dan ix-xogħol,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bedingfield.

Benjamin Vassallo, Head of Design ta’ Project Green stqarr, “Dan il-ġnien irriġenerat juri l-importanza li nikkombinaw is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, u l-kreattività biex noħolqu spazji fejn il-komunitajiet jistgħu jirnexxu.”

F’isem il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, is-Sindku Scott Camilleri enfasizza li dan il-Community Garden huwa parti mill-istrateġija tal-Kunsill biex ikompli jsaħħaħ iż-żoni miftuħa fil-lokalità. “Fil-Qajjenza qatt ma kien hemm spazju allokat għal żona miftuħa u grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Project Green, dan l-ispazju fil-Qajjenza ġie riġenerat, wara li għal ħafna snin kien mimli skart tal-kostruzzjoni. Illum, dan il-ġnien qed joffri servizz aħjar lill-komunità, u jirrifletti l-impenn tal-Kunsill biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha,” stqarr is-Sindku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport