Tuesday, May 14, 2024

Tliet nisa maqtula fi sparatura f’kafetterija f’Ruma

Aqra wkoll

Tliet nisa fosthom ħabiba tal-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja nqatlu meta raġel fetaħ in-nar f’kafetterija f’Ruma. F’dan il-każ weġġgħu erba’ persuni oħra. Dawk li kienu fuq ġewwa kienu qed jiltaqgħu bħala parti mill-kumitat tar-residenti ta’ blokka lokali.

Roberto Gualtieri, Sindku ta’ Ruma, iddeskriva dan il-każ bħala “episodju gravi ta’ vjolenza” u qal li se jkun qed jattendi għal laqgħa ta’ emerġenza iktar tard illum. 

B’rabta ma’ dan il-każ, ġie arrestat raġel ta’ 57 sena. Rapporti qalu li dan ir-raġel għandu storja ta’ tilwim ma’ xi wħud mill-membri tal-bord tal-Kumitat.

Luciana Ciorba, il-Viċi President tal-Kumitat, kienet ukoll fil-kafetterija fid-distrett ta’ Fidene, irrapportat il-gazzetta Taljana La Repubblica.

Hija qalet li r-raġel armat kien daħal fil-bar ilbieraħ u beda jgħajjat “Noqtolkom kollha” qabel ma uża l-pistola. Kien irrappurtat li r-raġel inżamm mnn residenti oħra sakemm waslu l-pulizija u arrestawh.

Fost il-persuni midruba, hemm żewġ nisa u żewġt iġiel, waħda minnhom f’qagħda serja. 

Waħda min-nisa maqtula kienet Nicoletta Golisano, ħabiba tal-Prim Ministru Giorgia Meloni. Iż-żewġ nisa l-oħra li nqatlu fl-isparatura kienu Elisabetta Silenzi u Sabina Sperandio. 

F’post fuq Facebook, fejn bagħtet il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Golisano, is-Sinjura Meloni ddeskriviet lil ħabibtha bħala “mara sabiħa u dejjem bit-tbissima fuq wiċċha.” 

“Nicoletta kienet omm protettiva, ħabiba sinċiera u diskreta. Mara b’saħħitha u fraġli fl-istess ħin. Mhux sew li tmut hekk,” hija żiedet tgħid. 

Is-Sinjura Meloni qalet ukoll li s-shooting range li minnha s-suspettat kien allegatament seraq il-pistola użata fl-attakk kienet magħluqa u taħt investigazzjoni.

Il-Pulizija għad trid tikkummenta dwar il-mottiv tas-suspettat, li ġie msemmi mill-istampa Taljana iżda mhux b’mod uffiċjali. L-attakk mhux maħsub li kien politiku.

Sport