Investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga f’Għawdex, wasslu għall-arrest ta’ żewġt irġiel ta’ 75 u 41 sena kif ukoll mara ta’ 57 sena, kollha residenti Għawdex.
Waqt sorveljanza li saret ilbieraħ fuq blokka ta’ appartamenti fi Triq taċ-Ċawla, ir-Rabat, il-Pulizija nnutat lir-raġel ta’ 41 sena ħiereġ mill-post u sussegwentement twaqqaf u ġie arrestat. Fi tfittxija li saret fuqu nstab fil-pussess ta’ żewġ qratas b’sustanzi suspettati eroina u kokaina.
Għalhekk, bl-informazzjoni li f’appartament minnhom allegatament kien qiegħed isir il-bejgħ tad-droga, il-Pulizija daħħlet fl-apartment fejn ġew arrestati r-raġel l-ieħor u l-mara. Waqt it-tfittxijiet li saru fil-post u fil-vettura tal-mara, il-Pulizija sabet diversi qratas b’sustanzi suspettati eroina u kokaina, kif ukoll madwar €80,000 fi flus kontanti.

Dwar il-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D li ħatar Inkjesta, mgħejjun minn diversi esperti biex jassistuh.
It-tliet persuni qed jinżammu taħt arrest u mistennija jitressqu l-Qorti t’Għawdex illum, quddiem il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D akkużati bi traffikar ta’ eroina u kokaina, kif ukoll bil-pussess tal-istess droga.
