Wara Franza u Spanja li għadhom għaddejjin jissieltu kontra n-nirien kbar f’diversi partijiet taż-żewġ pajjiżi issa, nirien bdew jaħkmu wkoll f’partijiet min-nofsinhar tal-Ewropa. F’dawn in-nirien, diġa tliet pumpiera Griegi tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jiġġieldu nirien fi Kreta u fil-Peloponniżo.
Irjieħ qawwija ħafna fi Kreta saħħew il-fjammi u wasslu għall-evakwazzjoni ta’ diversi rħula. Tnejn mit-tlett pumpiera mietu wara li nqabdu fin-nar hekk kif il-fjammi nfirxu fir-reġjun ta’ Rethymno, fil-punent tal-gżira. Il-Pumpier l-ieħor miet wara li nstab mitluf minn sensih qrib il-belt portwali ta’ Gytheio, fin-nofsinhar tal-Peloponniżo.
Sadanittant, fi Spanja u fi Franza bdiet ir-raba’ mewġa ta’ sħana tas-sajf, bil-pumpiera jippruvaw jipprevjenu milli jerġgħu jaqbdu nirien kbar li kienu għadhom kemm ġew ikkontrollati.
Nies li raw b’għajnejhom x’qed jiġri qalu li fuq Kreta faqqgħu diversi nirien li nfirxu f’ħakka t’għajn, bil-faċċata tan-nar l-aktar gravi testendi sa 15-il kilometru. Residenti u turisti ġew evakwati minn mir-raħal ta Krya Vrysi.
Il-forza tar-riħ kienet inkredibbli tant li kien hemm ħinijiet fejn in-nies lanqas biss setgħu jżommu sod fuq saqajhom. “Il-fjammi kienu enormi u kienet sitwazzjoni tassew tal-biża’,” iddeskriviet is-sitwazzjoni waħda mir-residenta lir-Reuters.
Nirien faqqgħu wkoll f’inħawi oħra tal-Greċja, fosthom fuq il-gżejjer ta’ Paros u Lesbos fil-Baħar Eġew, kif ukoll fil-belt ta’ Trifylia, fin-nofsinhar tal-Greċja.
Fit-Turkija, it-triq ewlenija li tgħaqqad lil Fethiye ma Antalya kellha tingħalaq u parti minn sptar kellha tiġi evakwata minħabba nirien fil-provinċja ta’ Muğla.
Sadanittant, il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sánchez wissa li s-siegħat li ġejjin se jkunu deċiżivi biex jintefa nar kbir fil-kampanja qrib il-belt kapitali, Madrid. Huwa qal lill-ġurnalisti li s-sitwazzjoni qed tiżviluppa b’mod favorevoli, għalkemm b’kawtela massima, minħabba temperaturi ogħla, umdità aktar baxxa u r-riskju ta’ buffuri tar-riħ.
Diġà nqerdu aktar minn 43,000 ettaru ta art f’Burgohondo, fil-provinċja ta’ Ávila, li tinsab 150 kilometru fil-punent ta’ Madrid. Dan bħalissa huwa meqjus bħala l-akbar nar fil-kampanja Spanjola li qatt ġie rreġistrat fl-istorja tal-pjjiż. B’kollox, din is-sena nħarqu aktar minn 207,000 ettaru ta’ art kawża ta’ nirien.
Francisco Bolaños, wieħed mill-membri tat-tim li qed jidderieġi l-operazzjonijiet tat-tifi tan-nar, qal li kien hemm tħassib li seta’ jerġa’ jaqbad minħabba t-temperaturi ogħla, u l-attenzjoni kienet iffukata fuq l-istabbilizzazzjoni ta’ perimetru ta’ 180 kilometru.
It-tibdil fil-klima qed iwassal għal żieda fit-temperaturi madwar id-dinja, u l-Ewropa hija l-kontinent li qed jisħon bl-aktar mod mgħaġġel – b’rata li hija d-doppju tal-medja globali – skont is-Servizz Copernicus dwar it-Tibdil fil-Klima.
Dan qed iwassal għal mewġat ta’ sħana tas-sajf aktar frekwenti, pressjoni akbar fuq il-provvista tal-ilma fl-Ewropa, u nirien aktar intensi fil-foresti u l-boskijiet.
