Friday, March 21, 2025

Tmexxija ġdida fl-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u fl-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, iħabbar li l-Avukat Vanessa Grech se tinħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati. Dr Vanessa Grech li ngħaqdet mas-servizz pubbliku f’Awwissu tal-1998 bħala skrivana fi ħdan il-Qrati tal-Ġustizzja u ħadmet kważi f’kull sezzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja, fejn għal dawn l-aħħar erba’ snin okkupat l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv, Direttur tas-Servizzi Legali, konsulent Legali tal-Qorti u anke Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard awgura lil Dr Grech għal dan ir-rwol importanti fil-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna, fi żmien fejn fis-settur qed isiru riformi kbar għal ġustizzja aktar effettiva u effiċjenti. Huwa rringrazzjaha għall-impenn li dejjem uriet f’ħidmietha u qal li dan jawgura tajjeb ħafna biex fiż-żmien li ġej tkompli ssaħħaħ din l-Aġenzija, li fi ħdanha għandha l-akbar ammont ta’ impjegati fl-istorja.

Is-Sinjura Eunice Grech Fiorini, li fl-aħħar snin serviet bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u kif ukoll Deputat Chairperson tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, se tinħatar fir-rwol ta’ Direttur (Kap Eżekuttiv) għall-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi.

Dan wara li l-Ministru Jonathan Attard, fl-4 ta’ Marzu 2025, kiteb lill-Bord bin-nomina tas-Sa Eunice Fiorini biex il-Bord jikkunsidraha għal pożizzjoni ta’ Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi b’konformità mal-Att dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità.

Fl-10 ta’ Marzu 2025, iċ-Chairman l-Imħallef Emeritu J. D. Camilleri kiteb li l-Bord kien aċċetta n-nomina u afferma li din kellha tkun għażla tajba biex l-entità tkompli tikber u tilħaq l-objettivi u responsabbiltajiet tagħha.

Il-Ministru Jonathan Attard filwaqt li rringrazzja lis-Sinjura Grech Fiorini għall-ħidma mwettqa b’tant dedikazzjoni fl-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, qal li jinsab konvint li l-ħiliet u l-esperjenza li akkumulat mas-snin, se tkun issa qed tutilizzahom fl-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, li maż-żmien saret istituzzjoni ċentrali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Ministru Jonathan Attard irringrazzja wkoll lis-sur Anthony Sevasta għall-ħidma tiegħu f’dawn l-aħħar snin fi ħdan dan l-Uffiċċju.

Dr Grech u s-Sa Grech Fiorini se jkunu qegħdin jidħlu fl-irwoli rispettivi tagħhom nhar it-Tnejn 24 ta’ Marzu, 2025.

Aktar dwar Dr Vanessa Grech

Dr Vanessa Grech hija avukata ggradwata mill-Università ta’ Malta b’Dottorat fil-Liġi.

Hija ngħaqdet mas-servizz pubbliku f’Awwissu tal-1998 bħala skrivana fil-Qrati tal-Ġustizzja, u matul dawn l-aħħar 26 sena ħadmet fi kważi kull taqsima tal-Qrati, fejn okkupat diversi karigi.

Dr Grech ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin tokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv fi ħdan l-Aġenzija kif ukoll Direttur tas-Servizzi Legali u Konsulent Legali tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati. Barra minn hekk hija serviet ukoll bħala Reġistratur tal-Qrati Ċivili u tat-Tribunali.

Minbarra r-rwol tagħha bħala konsulent legali, hija tikkontribwixxi wkoll fil-formulazzjoni tal-pożizzjoni ta’ Malta dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, inkluż it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ dokumenti u pjanijiet ta’ azzjoni dwar materji Ewropej.

Hija wkoll delegat tal-Kumitat amministrattiv u finanzjarju tal-Unified Patent Court u kienet appuntata bħala espert legali f’diversi kumitati, fosthom il-Kumitat għad-Diġitalizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja u l-kumitat fejn qed jiġu diskussi materji relatati mal-liġi tal-familja.

Barra minn hekk, kellha l-privileġġ li tirrappreżenta lil Malta u l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati f’diversi konferenzi f’istituzzjonijiet internazzjonali, fejn f’xi okkażjonijiet kienet ukoll kelliem ewlieni.

Aktar dwar is-Sinjura Eunice Grech Fiorini

Is-Sinjura Eunice Grech Fiorini ilha taħdem fis-settur legali u ġudizzjarju għal aktar minn 25 sena, fejn kisbet esperjenza vasta fl-amministrazzjoni tal-qrati u l-prattika legali.

Hija bdiet il-karriera tagħha fis-sistema tal-Qorti Maltija fl-1998 bħala skrivana u minn dakinhar okkupat diversi karigi ewlenin, fosthom Direttur tal-Qrati Kriminali u Tribunali u Assistent Reġistratur.

Fl-2009, is-Sinjura Grech Fiorini ggradwat mill-Università ta’ Malta bħala Prokuratur Legali u sussegwentement kisbet Masters fix-xjenza fl-Istrateġija, it-Tmexxija u l-Immaniġġjar tal-bidla (MSc Strategy, Leadership and Change Management) mill-Global College Malta.

Matul il-karriera tagħha fi ħdan l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, is-Sa Grech Fiorini mexxiet b’suċċess diversi proġetti ewlenin li tejbu b’mod sinifikanti l-effiċjenza u l-infrastruttura tas-sistema ġudizzjarja f’Malta.

Barra minn hekk is-Sa Grech Fiorini hija parti mill-Grupp ta’ ħidma fuq ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport