Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tibqa’ impenjata li tkompli ttejjeb is-servizzi offruti liċ-ċittadini u tiżgura li l-lokalitajiet tagħna jkunu iżjed nodfa u aħjar għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Permezz ta’ ftehim ma’ 23 kunsill lokali madwar Malta, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed twettaq servizz essenzjali ta’ tindif tat-toroq f’diversi lokalitajiet.
Waqt konferenza li ġiet organizzata mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għall-Kunsilli Lokali, ġie spjegat kif kuljum, qed jiġu mnaddfa aktar minn 870 triq residenzjali. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield.
Dan is-servizz, li ilu fis-seħħ għal sentejn, qed jagħti riżultati tajbin ferm, inkluż tnaqqis t’40% f’ilmenti lid-Diviżjoni. Iżda l-gvern jibqa’ miftuħ għal djalogu kontinwu mal-kunsilli lokali sabiex isir titjib fejn meħtieġ. Din il-laqgħa serviet bħala opportunità biex il-kunsilli lokali jesprimu l-isfidi partikolari li jista’ jkun qed jaffaċċjaw fuq l-indafa pubblika, u flimkien jinstabu soluzzjonijiet konkreti biex intejbu dan is-servizz għal-lokalitajiet rispettivi.
Dan kollu jagħmel parti mill-impenn tal-gvern biex ikompli jsaħħaħ ir-rabtiet mal-kunsilli u jiżgura li r-residenti jkollhom ambjent aktar nadif u organizzat.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, saħaq li din il-konferenza hija opportunità biex jisimgħu mingħand il-Kunsilli Lokali u jaħdmu flimkien biex jtejbu s-servizzi ta’ tindif fit-toroq. “Dawn il-ftehimiet mhuwiex biss dwar interventi okkażjonali, iżda dwar ħidma kontinwa li tagħmel parti mir-rutina ta’ kuljum. Irridu naħdmu id f’id mal-komunitajiet biex pajjiżna jkun dejjem aktar nadif u sabiħ. Permezz tagħhom, qed nolqtu b’mod dirett il-kwalità tal-ħajja ta’ kważi 170,000 ruħ, li jgħixu f’dawn il-lokalitajiet,” sostna s-segretarju parlamentari.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Inizjattivi ambjentali, inizjattivi relatati mal-enerġija, u tindif u manutenzjoni, huma kollha importanti għal pajjiżna u għal-lokalitajiet tagħna. Ovvjament dawn huma suġġetti li jolqtu direttament lill-Kunsilli Lokali kif ukoll lir-residenti u n-nies li jgħixu fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Is-sabiħ tal-politika u tad-djalogu ħaj bejn kull min hu nvolut huwa li jwassal għal soluzzjonijiet tanġibbli li jsaħħu u jtejbu il-kwalità tal-ħajja. Hekk għamilna u hekk ser inkomplu nagħmlu.” Hija ħeġġet lill-kunsilli lokali jersqu ’l quddiem bi proposti għat-titjib fil-lokalitajiet tagħhom inkluż bi proġetti sostenibbli u dawk ta’ spazji miftuħa.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara spjega kif id-Diviżjoni qed tevalwa u tanalizza kull talba li tirċievi mingħand il-kunsilli lokali, sabiex tassigura li r-riżorsi u l-ħaddiema meħtieġa jkomplu jiġu allokati bl-iktar mod effiċjenti.
Preżenti għal din il-laqgħa ta’ diskussjoni kien hemm il-Kunsilli Lokali ta’ Bormla, il-Kalkara, Birżebbuġa, iż-Żurrieq, Marsaxlokk, Santa Venera, il-Marsa, ir-Rabat, il-Qrendi, il-Mellieħa, Ħal Luqa, il-Gudja, l-Iklin, Marsaskala, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex, l-Imtarfa, Birkirkara u Ħal Għaxaq.