Monday, April 29, 2024

Tnedija tal-ewwel programm inklussiv għat-tfal, Avarù

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara diskussjonijiet organizzati aktar kmieni din is-sena bit-tema lejn ‘Xandir iktar Inklussiv’, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli attendew għat-tnedija tal-ewwel programm inklussiv għat-tfal bl-isem ta’ Avarù, li se jkun qed jixxandar fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Il-Ministru responsabbli mix-xandir pubbliku Carmelo Abela saħaq li waħda mill-affarijiet li qed isiru fir-riforma tal-PBS hija li x-xandir nazzjonali isir iktar inklussiv u aċċessibbli. Il-Ministru qal li: “ix-xandir m’għandux iservi biss bħala xandir tal-maġġoranza, iżda anke ta’ minoranzi diversi li lkoll għandhom ħtiġijiet u bżonnijiet distinti”, filwaqt li l-Ministru għall-Injlużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli tenniet “li dan il-programm hu parti integrali fl-strateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabblità”

Fid-dawl tal-iskeda l-ġdida li se jkollu l-PBS, il-Ministru Abela spjega kif għall-ewwel darba se jkollna programm inklussiv għat-tfal. Hu semma li apparti l-aħbarijiet tas-6pm li se jkunu qed jixxandru fuq l-istazzjon TVM News+, ser ikun hemm ukoll tliet programmi li jinkludu l-lingwa tas-sinjali, u żewġ programmi bis-sottotitoli. Fost iktar inizjattivi li l-PBS se jkun qed tieħu biex ikun stazzjon iktar inklussiv, il-Ministru qal li fil-futur se jkun hemm enfasi fuq audioclips bl-ispjegazzjoni tal-istejjer u l-aħbarijiet fuq il-portal, tvm.com.mt

Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela qal li “għadna fil-bidu tar-riforma u ninsabu kuntenti biex xogħol li qed jitwettaq, iżda importanti li nkomplu naħdmu iktar biex nilħqu lil kulħadd, u jkollna xandir ta’ kwalità u inklussiv.”

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li sar ma’ diversi stakeholders fis-settur ta’ diżabilità, dejjem ħareġ għan komuni: dik li jkun hemm programmi aktar inklussivi. Il-Ministru spjegat kif il-Ministeru se jkun qed jiffinanzja s-sottotitoli u l-interpretu tal-lingwa tas-sinjali ta’ dan il-programm.

Il-Ministru saħqet li dan il-programm hu parti integrali mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabblità. Kull persuna b’diżabbilta għandha dritt li tidderverti u jkollha xandir aċċesibbli, inkluż it-tfal. Il-Ministru tenniet li dan l-investiment juri b’mod tanġibbli kif il-prinċipju tal-inklużjoni ma jkunx biss wieħed għal fuq il-karta imma jkun attwat fil-konkret.

Waqt it-tnedija, il-produttur tal-sensiela Avarù, Brendan Terribile, spjega kif Avarù hija l-ewwel sensiela għat-tfal tax-xorti tagħha, għaliex hija sensiela inklussiva bl-użu tas-sensi fejn ser toffri esperjenza immersiva għall-udjenzi tagħha. Huwa spjega kif din is-sensiela hija kreata għal tfal b’abbiltajiet differenti. “Il-programm se jkun iddisinjat b’mużika apposta, grafika kkulurita, u se jkun qed jinkludi wkoll is-sottotitoli u l-lingwa tas-sinjali.”

Sport