Wednesday, July 24, 2024

Tnejn jinżammu arrestati b’rabta ma’ 14-il serqa

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, fil-Qorti t’Għawdex, tressqu Andreas Buhagiar ta’ 30 sena residenti Ħal Qormi, u Donna Pace ta’ 32 sena residenti s-Siġġiewi. 

Huma ġew mixlija b’sensiela ta’ serqiet f’Għawdex u Malta, li seħħew bejn it-30 ta’ Settembru u l-11 t’Ottubru 2023. Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

B’kollox kienu involuti f’14-il serqa li tlieta minnhom kienu attentati ta’ serq. Huma rnexxielhom jisirqu żewġ karozzi minn Malta – waħda minn Ħal Qormi u oħra mill-Mellieħa – u tliet muturi minn Għawdex. Kien hemm diversi serqiet minn kiosks li jinkludu flus kontanti u anke serq ta’ sigaretti u fliexken tax-xorb. Minn ħanut fir-Rabat Għawdex insterqu oġġetti elettroniċi bil-valur tagħhom ilaħħaq l-€490.

Buhagiar waħdu kien mixli b’diversi akkużi, fosthom li saq vetturi mingħajr liċenzja jew mingħajr il-kunsens tas-sid, u li saq vetturi mingħajr ma kien kopert b’polza tal-assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni. Huwa kien mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati u anki li wettaq reat waqt li kien qiegħed taħt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. Intqal ukoll li Buhagiar għandu dipendenza fuq id-droga.

L-arrest sar ilbieraħ fir-residenza tal-mara fejn ġew elevati diversi oġġetti mill-Pulizija, fosthom affarijiet li kienu lebsin l-akkużati waqt is-serqa.

Huma talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura tal-akkużi, u l-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar każi oħra li jista’ jkun huma involuti fihom l-imputati, għadhom għaddejjin. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, ordnat biex jibqgħu jinżammu arrestati fil-ħabs ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Xerri u Bernard Charles Spiteri megħjuna mill-Avukat Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

12:15 p.m. Jaslu l-Qorti ż-żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ serq f’Malta u Għawdex

Għadhom kemm waslu l-Qorti t’Għawdex iż-żewġ persuni li allegatament kienu involuti f’numru ta’ serqiet li ġew irrapportati erbat ijiem ilu f’Malta u f’Għawdex.

Il-mara ta’ 32 sena residenti s-Siġġiewi u raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Qormi se jkunu qed jidhru quddiem il-Maġistrat Dr Simone Grech. Huma se jkunu akkużati b’numru ta’ serqiet u ħsara volontarja, fost akkużi oħra.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej…

Ekonomija

Sport