Illejla se jkunu qed jintlagħbu serje ta’ finali mill-ewwel tournament ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-Blackball 2024.
Fl-iktar finali mistennija mis-sezzjoni tal-irġiel, Johan Attard jilgħab kontra Gary Carr. Biex waslu għal din il-finali, Carr elimina lil Miguel Amato 9-8 fis-semifinali filwaqt li Attard qala’ lil Clint Azzopardi tant li rebaħlu 9-7.
Fil-finali ta’ taħt it-23 sena, Deacon Formosa jiltaqa’ kontra Casdy Vella. Formosa għeleb lil Haydyn Magro 8-7 b’Vella li għeleb bl-istess skor lil Matthias Debono.
Il-finali ta’ taħt it-18-il sena se tkun ikkontestata bejn Jake Castaldi u Nordai Desira. Dan tal-aħħar għeleb lil Denzel Falzon 8-4 filwaqt li Castaldi kien aħjar minn Nick Muscat tant li rebaħlu 8-2.
Fil-finali tas-Seniors ta’ ‘l fuq minn 40 sena, Stephen Mangion jilgħab kontra Kevin Schembri.
Mangion u Schembru waslu għal din il-finali wara li fil-fażi tal-aħħar erbgħa eliminaw lil Rudolph Gellel (9-5) u Stephen Falzon (9-2) rispettivament.
Finalment, il-finali tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena se tkun ikkontestata minn Jesmond Schembri u Marco Bonello.
Schembri xejn ma sabha faċli sabiex għeleb lil Conrad Catania 9-8 filwaqt li Bonello iddomina l-konfront li kellu kontra Mark Debono tant li rebaħlu 9-0.
Il-finali kollha se jsiru fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara.