Monday, March 10, 2025

Training camp minn Pietro Figlioli u sħabu fis-Sliema Pitch f’Awwissu li ġej

Aqra wkoll

Il-plejer tal-waterpolo rinomat Taljan Pietro Figlioli għandu 40 sena u ilu jipprattika dan l-isport għal dawn l-aħħar 25 sena. Hu lagħab mat-tim nazzjonali Taljan filwaqt li kien ukoll membru ta’ Pro Recco, CN Barcellona, RN Sori u BPM Sport Management. Hu lagħab f’Malta wkoll fejn fost l-oħrajn libes il-kappa ta’ Sliema Waterpolo Club.

Figlioli jmexxi Elite Aquatics fejn flimkien ma’ xi kowċis oħra jħarreġ xi atleti tfal u żgħażagħ. Hu se jkun f’Malta bejn it-22 u l-25 ta’ Awwissu li ġej sabiex iwettaq xi sessjonijiet ta’ taħriġ fil-pitch tal-waterpolo f’Tas-Sliema.

Dan is-sit talab kumment qasir mingħand Figlioli sabiex itina aktar informazzjoni dwar dan il-kamp qasir ta’ taħriġ.

“L-ewwelnett hu dejjem gost u pjaċir tiegħi nikkowċja f’Malta. Se nkunu qed nagħmlu erbat ijiem ta’ kamp ta’ taħriġ fejn b’kollox se jkollna seba’ sessjonijiet. Se jkolli miegħi lill-kowċ tal-goalkeepers Tommaso Negri u s-centre back coach Niccolo Figari. L-għan tagħna hu li nintroduċu dan il-kamp ta’ taħriġ li jekk jirnexxi se nkunu qed nestenduh fis-snin li ġejjin.”

Figlioli qalilna li dan il-kamp ta’ taħriġ hu miftuħ għal kulħadd mhux biss għall-plejers żgħażagħ ta’ Sliema iżda għal oħrajn li jilagħbu ma’ klabbs oħra. Bħalissa huma qed jagħmlu kamp ta’ taħriġ fil-belt ta’ Milan fejn għandhom madwar 300 plejer bejn tfal u żgħażagħ.

“L-għan hu li ntejbu l-kwalita’ tal-plejers tagħna għax dawn huma l-futur tal-waterpolo Malti. Aħna mmorru lil hinn minn sempliċement sessjoni ta’ taħriġ hekk kif se jkollna magħna wkoll psikologi sportivi u anke nutrizzjonisti. Irridu ngħallmu lit-tfal tagħna kif ikun eżatt atleta u kommessi li nagħtu servizz ta’ kwalita’.”

Figlioli qal li l-livell tal-waterpolo f’Malta hu wieħed tajjeb u xhieda ta’ dan huma anke r-riżultati li t-timijiet nazzjonali Maltin qed jiksbu fuq livell internazzjonali iżda wieħed issa jrid imur għall-qabża fil-kwalita’ tant li kampijiet ta’ taħriġ bħal dawn se jgħinu sabiex tinbidel iktar il-mentalita’.

Għal iktar dettalji dwar dan il-kamp ta’ taħriġ, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku https://eliteaquatics.com/en/malta-2025-summer-water-polo-camp/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport