Friday, February 21, 2025

Transparency International u l-indiċi tal-korruzzjoni f’Malta

Aqra wkoll

Ftit ilu, Transparency International, li hija koalizzjoni globali kontra l-korruzzjoni ppubblikat l-indiċi annwali għas-sena 2024 ta’ pajjiżi li huma l-iktar u l-inqas korrotti fid-dinja.

Dan l-Indiċi jkopri 180 pajjiż madwar id-dinja. Huwa wkoll l-indikatur globali ewlieni għall-korruzzjoni tas-settur pubbliku.

F’dan l-indiċi għas-sena 2024, Malta għandha punteġġ ta’ 46 b’bidla ta’ 5 inqas mis-sena l-oħra li jfisser li pajjiżna jinsab fil-65 post minn fost 180 pajjiż.

Tajjeb inżommu f’moħħna li l-indiċi huwa bbażat fuq perċezzjoni u mhux fuq realtà. Fih, aktar ma jkollu punteġġ għoli, pajjiż jiġi dikjarat u kklassifikat bħala wieħed nadif u ħieles mill-korruzzjoni.

Fil-każ ta’ pajjiżna, il-klassifika li tpoġġa fiha ma tistax ma tqanqalx dubji serji fl-imħuħ ta’ ħafna Maltin dwar il-veraċità tal-analiżi li saret dwar il-korruzzjoni f’Malta. Dan qed ngħiduh għaliex hemm pajjiżi, mhux fl-Ewropa biss, fejn huwa magħruf li l-korruzjoni hija l-ordni tal-ġurnata. Anki fil-Mediterran hawn pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija fattwali, u b’danakollu, dawn ingħataw klassifikazzjoni aħjar minn dak li ngħatat Malta.

Allura bir-raġun nistaqsu… min hu l-kuntatt li Transparency International għandha f’Malta li qed jitma l-informazzjoni lil din l-organizzazzjoni dwar il-korruzzjoni f’pajjiżna.

Nistaqsu wkoll, kemm Transparency International tagħmel analiżi hija stess biex tassigura l-korrettezza u l-veraċità tal-informazzjoni li qed tingħatalha. Dan nistaqsuh għax ma nafux jekk hix qed taċċetta b’għajnejha magħluqin dak li jitimgħula. Tfittxija sempliċi fuq Google tindika min hu s-sors ta’ Transparency International f’Malta.

Dan ngħiduh ukoll fil-kuntest ta’ stħarriġ wara ieħor tal-Ewrobarometru li lkoll jindikaw li t-tħassib ewlieni tal-Maltin, m’huwiex il-korruzzjoni l-aktar imma it-tibdil tal-klima, ż-żieda fil-popolazzjoni, it-traffiku u l-għoli tal-ħajja.

Possibbli li dawk li taw l-informazzjoni lil Transparency International stħarriġ bħal dawn ma jinnutawhx…. jew jaqblilhom li ma jinnutawhx?

Possibbli li dawn diġà nsew li l-Gvern Laburista kompla għaddej bir-riformi, anki fil-qasam tal-ġustizzja biex min jiżbalja jitressaq quddiem il-qrati biex ipatti għal għemilu. Possibbli li nsew ukoll li kien Gvern Laburista li neħħa b’liġi l-iskadenza fuq reati ta’ korruzzjoni.

Jekk dan kollu nsewh, allura m’għandniex għalfejn nieħdu bis-serjetà l-perċezzjoni la ta’ Transparency International u wisq inqas ta’ min qed jipprovdi l-informazzjoni dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Quddiem dan kollu aħna konvinti li pajjiżna se jkompli miexi ‘l quddiem u jwettaq ir-riformi li hemm bżonn, se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u ta’ dan żgur li se jibqa jkollu l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport