Monday, December 9, 2024

Trasferita binja f’Tas-Sliema biex minnha jingħataw servizzi lil żgħażagħ b’diżabilità

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-Awtorità tal-Artijiet sabiex isir it-trasferiment ta’ proprjetà fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Din il-proprjetà se tgħaddi għand l-Aġenzija Sapport biex minnha jingħataw servizzi ta’ matul il-jum lil żgħażagħ b’diżabilità.

Dan il-ftehim ġiet ffirmat waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għall-Artijiet u għall-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.

Ġie spjegat kif il-binja se tiġi rrestawrata u adattata apposta sabiex toffri ambjent komdu u sikur, appoġġjata minn infrastruttura li tgħin favur l-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà. B’din il-proprjetà, l-Aġenzija Sapport se tkun f’pożizzjoni li twessa’ l-operat tagħha biex tilħaq aktar persuni b’diżabilità, bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet moderni u aċċessibbli.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet li t-trasferiment ta’ din il-binja storika se jfisser ħafna għaż-żgħażagħ b’diżabilità. Hija fissret ukoll kif dan il-pass jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex itejjeb u jespandi s-servizzi li jipprovdi s-settur tad-diżabilità.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza li jsir l-aqwa użu mir-riżorsa kbira ta’ proprjetà u artijiet li għandu l-Gvern u stqarr li meta proprjetà bħal din tgħaddi għand Aġenzija li tagħmel tant ġid fil-kommunitajiet tagħna, tkun qed tingħata l-aqwa valur. “Dan huwa eżerċizzju li grazzi għall-Awtorità tal-Artijiet qed inwettqu b’kollaborazzjoni kontinwa ma’ Ministeri oħra, ma’ Kunsilli Lokali u anke ma’ għaqdiet mhux governattivi biex nagħmlu l-aqwa użu mill-proprjetà immobbli tal-Gvern”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Il-propjetà unika ta’ Villa Alcazar, bini skedat fi grad 1 mibni fl-1870, hija storikament prezzjuża u xhieda tal-arkitettura arabeska f’Malta. Din il-villa għandha valur storiku mhux biss minħabba l-istil arkitettoniku distintiv tagħha, iżda wkoll minħabba l-fattizzi oriġinali li għadhom ippreservati tajjeb minkejja ċertu tibdil li sar matul is-snin. Il-ftehim għar-restawr ta’ din il-villa mhux biss se jsaħħaħ l-istruttura iżda se jgħin ukoll biex jippreserva din is-sbuħija għal ġenerazzjonijiet futuri. Il-villa tinkludi wkoll żewġ garaxxijiet, ġnien, u żewġ sulari bi kmamar, li kollha jgħinu biex jagħtu karattru uniku u sinifikattiv lil din il-propjetà li ser tibda tintuża għal skopijiet soċjali.

Iffirmaw dan il-ftehim il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Aġenzija Sapport u l-Awtorità tal-Artijiet Oliver Scicluna u Robert Vella.

Ekonomija

Sport