Monday, January 27, 2025

Trump jemmen li Greenland se tkun tal-Istati Uniti

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump fl-aħħar sigħat reġa’ qal li hu jemmen li pajjiżu se jieħu l-kontroll ta’ Greenland. “Naħseb li Greenland se tkun tal-Istati Uniti,” qal Trump waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-Air Force One.

Hu żied jgħid li fil-pajjiż hemm 57,000 resident u dawn iridu jkunu parti mill-Istati Uniti. Il-kumment ta’ Trump waslu wara li l-Prim Ministru Daniż Mette Frederiksen baqa’ jinsisti li Greenland mhux għal bejgħ. Sostna li hu qal dan il-kliem ukoll lill-President Trump waqt telefonata li kellhom aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet.

Kien fl-2019 meta Trump kien tkellem dwar Greenland, u issa waħda mill-ewwel affarijiet li qal meta rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali kienet li “l-Istati Uniti għandha bżonn dan il-pajjiż minħabba s-sigurtà internazzjonali”.

“Jien naħseb li ċ-ċittadini ta’ Greenland iridu jkunu magħqudin mal-Istati Uniti. Jekk id-Danimarka mhux se ċċedi din l-art allura din tkun ħaġa ħażina ħafna għad-dinja kollha,” insista Trump.

Qal li l-Istati Uniti hu l-unika pajjiż fid-dinja li jista’ jipprovdi sigurtà internazzjonali u għalhekk li Greenland tkun parti mill-pajjiż hija xi ħaġa fundamentali.

Ftit qabel ma ħa l-ġurament tal-ħatra, Donald Trump bagħat lit-tifel tiegħu jitkellem mal-uffiċjali ta’ Greenland fejn stqarr li kellu riżultati tajbin ħafna f’dawn in-negozjati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport