Donald Trump eskluda dibattitu presidenzjali ieħor kontra r-rivali tiegħu Kamala Harris qabel l-elezzjoni ta’ Novembru fl-Istati Uniti.
Il-Ħamis li għadda – jumejn wara l-ewwel dibattitu bejn iż-żewġ kandidati f’Philadelphia – huwa kien ikkwotat jgħid li Harris riedet dibattitu ieħor għaliex skontu kien ċar li huwa rebaħ.
Minkejja dan, diversi sondaġġi li saru wara dan id-dibattitu wrew li l-votanti ħassew li Harris marret aħjar mill-avversarju Repubblikan tagħha.
Min-naħa tiegħu, Trump sostna li jkun aħjar li Harris “tiffoka” fuq xogħolha ta’ Viċi-President. Ftit wara, waqt rally f’North Carolina, Harris weġbitu illi huma kellhom jirrispettaw lill-votanti billi jsir dibattitu ieħor għaliex “dak li huwa f’riskju ma jistax ikun aktar importanti.”
Intant, l-istess sondaġġi ssuġġerew li ż-żewġ kandidati jinsabu “viċin ħafna ta’ xulxin” meta fadal biss xahrejn qabel l-elezzjoni. It-tnejn li huma ddikjaraw li rebħu d-dibattitu tat-Tlieta, li dam għaddej 90 minuta fuq ABC News.
F’dan id-dibatittu, Harris għamlet sensiela ta’ dikjarazzjonijiet fil-konfront ta’ Trump fosthom kummenti dwar l-attendenza fir-rallies tiegħu u l-għemil tiegħu waqt l-irvellijiet fil-Capitol f’Jannar tal-2021.
Trump u l-partitarji tiegħu minn dakinhar akkużaw liż-żewġ ġurnalisti li mmoderaw id-dibattitu li kienu “inġusti” u “preġudikati” favur Harris. Matul il-jum tal-Ħamis huwa qal li ma kellux bżonn dibattitu ieħor.
“L-istħarriġ juri biċ-ċar li rbaħt id-dibattitu kontra Kamala Harris, il-kandidata tad-Demokratiċi… u hi immedjatament sejħet għat-tieni dibattitu,” stqarr Trump.
L-eks President għamel ukoll rally f’Arizona nhar il-Ħamis u ta intervista ma’ Telemundo Arizona. “Aħna sempliċement ma naħsbux li huwa meħtieġ,” qal Trump meta mistoqsi dwar it-tieni dibattitu ma’ Harris. “Aħna naħsbu li ddiskutejna kollox u ma naħsibx li n-nies iriduh ukoll.”
Min-naħa l-oħra, il-partitarji ta’ Harris sejħu għat-tieni dibattitu filwaqt li qalu li l-votanti għandhom għażla quddiemhomm – jew li jimxu ‘l quddiem ma’ Kamala Harris jew imorru lura ma’ Trump.