Li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump huwa persuna konfrontattiv huwa fatt li ilu stabbilit. F’dawn il-jiem huwa qal li qed jikkunsidra li jimponi tariffa ta’ 10% mill-1 ta’ Frar li ġej fuq l-importazzjoni kollha ta’ oġġetti magħmulin miċ-Ċna.
Din it-theddida minn Trump issegwi theddida oħra li jimponi taxxi ta’ 25% fuq fuq l-importazzjoni mill-Messiku u l-Kanada, u akkużahom li ħallew migranti mingħajr dokumenti u drogi jidħlu fl-Istati Uniti. Il-Kanada, iċ-Ċna u l-Messiku huma l-akbar sħab kummerċjali tal-Istati Uniti.
F’konferenza stampa f’Washington nhar it-Tlieta, Donald Trump wiegħed li jolqot lill-Unjoni Ewropea bit-tariffi għax skont hu, iċ-Ċna hija pajjiż abbużiv filwaqt li l-Unjoni Ewropea hija “ħażina ħafna għall-Istati Uniti” u allura se jkunu t-tariffi l-uniku mod kif tinkiseb lura l-ġustizzja.
Ftit wara li ħa l-ġurament nhar it-Tnejn, il-president il-ġdid ta wkoll struzzjonijiet lill-aġenziji federali biex iwettqu reviżjoni ta ftehimiet kummerċjali eżistenti u jidentifikaw prattiki inġusti mill-imsieħba kummerċjali tal-Istati Uniti.
Intant, il-Viċi Prim Ministru taċ-Ċna, Ding Xuexiang, mingħajr ma semma speċifikament lill-Istati Uniti, tkellem kontra l-protezzjoniżmu fil-Forum Ekonomiku Dinji li qed jiltaqa f’Davos. Huwa sejjaħ għal soluzzjonijiet “win-win” għat-tilwim kummerċjali.
Tul il-mixja tal-kampanja elettorali tiegħu, Trump kien wiegħed aktar minn darba li jimponi tariffi sa 60% fuq oġġetti Ċniżi.
Min-naħa tiegħu, dak li kien il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau kien wiegħed li se jiġġieled lura b’saħħa meta qal li jekk il-president tal-Istati Uniti jagħżel li jipproċedi bit-tariffi, il-Kanada kienet se tirrispondi. Fil-fatt, il-Kanada qed tħejji kontro-tariffi, allegatament jiswew biljuni ta ‘dollari, b’reazzjoni għat-theddida ta’ Trump.
It-tariffi huma parti importanti mill-pjanijiet ekonomiċi ta’ Trump. Il-president jemmen li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, jipproteġu l-impjiegi u jgħollu d-dħul mit-taxxa.
Iżda ħafna ekonomisti jgħidu li miżuri bħal dawn jistgħu jwasslu għal prezzijiet ogħla għall-Amerikani u jagħmlu ħsara lill-kumpaniji milquta minn ritaljazzjoni barranija.