Tuesday, April 23, 2024

TTD 2022 – Devis Mangia jgħid li rridu nżommu saqajna mal-art

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ftit ġranet bogħod mill-aħħar logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat- Tazza tad-Dinja 2022 kontra l-Kroazja u s-Slovakkja, il-coach nazzjonali  Devis Mangia, talab sabiex il-proċess li beda f’Jannar 2020, meta hu ħa r-riedni tat-team f’idejh jitkompla mingħajr ebda pressjoni żej­da.

“Ninsabu fit-triq it-tajba. Rajna titjib fil-wirjiet tal-players Maltin iżda ma nistax naħbi l-fatt li għad fadal sabiex naslu fejn nixtiequ aħna. Għalhekk mhux il-mument li naqbżu din l-istennija anke għax fit-triq kapaċi nagħmlu xi żbalji wkoll.”

Mangia rrefera għall-fatt li se jilagħbu kontra żewġ timijiet qawwija bħalma huma l-Kroazja u s-Slovakkja fejn hu ta l-kelma tiegħu li l-players se jkunu qed jagħtu l-mija fil-mija tagħhom għal dawn il-konfronti. Hu faħħar il-mentalitá pożittiva tal-iskwadra u fuq kollox l-entużjażmu qabel dawn iż-żewġ partiti.

Meta ġie mistoqsi dwar id-difensur James Brown li jilgħab fl-Iskozja, Mangia qal li jinsabu f’kuntatt mal-club tiegħu biex jaraw il-kundizzjoni fiżika tiegħu. Huwa sostna li l-player huwa motivat biex jirrappreżenta lil Malta u eventwalment jagħmel id-debutt tiegħu. Mistoqsi wkoll dwar kif player bħal Jan Busuttil mhux qed dejjem qed jiġi inkluż fl-iskwadra ewlenija minkejja kampjonat pożittiv ma’ Floriana, il-coach Taljan qal li l-bieb hu miftuħ għal kulħadd għalkemm il-players iridu jaħdmu għal din is-sejħa.

Huwa rrefera wkoll għall-attakkant internazzjonali Malti, Alex Satariano, li ftit qed jiġi utilizzat mit-team tas-Serie B Frosinone għalkemm il-player qed jaħdem qatigħ biex jasal iċ-ċans tiegħu.

Meta mistoqsi dwar il-livell tal-Kampjonat Premier u l-intensitá ta’ logħob li qed jin­tlagħab, Mangia qal li jinsab sodisfatt għalkemm hemm lok għal aktar titjib.

Huwa rrefera dwar il-fatt li aktar żgħażagħ Maltin iridu jkunu involuti iktar fit-timijiet Maltin sabiex iżidu l-livell tagħhom u jin­għataw aktar ċans.

Fil-kumplament tal-konferenza stampa, Mangia tkellem fit-tul dwar il-futur tat-team nazzjonali Malti speċjalment fis-settur taż-żgħażagħ.

“Irridu nsibu s-soluzzjoni t-tajba sabiex inżidu l-livell tal-players żgħażagħ Maltin. Jien personalment mhux qed inħares lejn il-preżent biss iżda wkoll lejn il-futur tat-team nazzjonali Malti. Huwa għalhekk li rridu nagħtu aktar ċans liż-żgħażagħ Maltin jilagħbu fl-aqwa livell għax hekk biss kapaċi naraw iktar talent tiela’.”

Skond Mangia, statistikament jekk tneħħi lil Paul Mbong, Adam Magri Overand, Shaun Dimech u Alex Satariano, fit-team nazzjonali Ta’ Taħt il-21 sena hemm biss 17-il player li jilagħbu fil-Kampjonat Premier Malti. Agħar minn hekk huma biss tlieta li ngħataw iċ-ċans li jilagħbu aktar minn 180 minuta logħob matul dan l-istaġun u din l-istatistika hi ferm inkwetanti.

“F’dawn il-jiem tkellimt mal-coach Gilbert Agius f’dan ir-rigward u wieħed mill-objettivi tagħna bħala coaches huwa dak li jkollna aktar players minn fejn nagħżlu. Ma rridux naraw problema ta’ players għax jekk ma nagħmlux xi ħaġa dak li qed nibżgħu minnu jista’ jiġri.”

Hu tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni li kull club tal-Kampjonat Premier Malti qed jilgħab b’seba’ jew disa’ players barranin u din qed toħloq problema fin-numru ta’ minuti li player Malti jista’ jilgħab. Madankollu huwa xorta qal li l-player Malti jrid jaħdem aktar biex jakkwista postu u dan kollu jista’ jkun opportunitá għat-tali plejer.

“Għandi pjani li nistgħu naħdmu fuqhom iżda qabel ngħidhom fil-pubbliku rrid l-ew­wel nitkellimhom mal-president Bjorn Vassallo u mal-kumplament tal-amministrazzjoni. Irridu naħdmu biex ngħinu liż-żgħażagħ jilagħbu aktar football u jkomplu jikbru. Irridu naħdmu fuq proġett li jinvolvi l-Youth Sector. Irridu niftakru li sena u nofs oħra Malta se tospita l-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt id-19-il sena.”

Mangia temm jgħid li l-futur tal-football Malti hu ferm importanti għalih minħabba li jrid li dan il-proċess li beda ftit aktar minn sena ilu jkompli jagħti l-frott fis-snin li ġejjin.

Malta tilgħab kontra l-Kroazja nhar il-Ħamis 11 ta’ Novembru 2021 fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali bil-logħba tibda fid-8.45 pm sabiex tlett ijiem wara tiffaċċja lis-Slovakkja bil-partita tibda fit-3.00pm.

Sport