Tuesday, December 24, 2024

TTD 2022 – Illum Malta tilgħab kontra s-Slovenja

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina (MFA)

Illum Malta tilgħab is-seba’ logħba tagħha fi Grupp H ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 meta fl-Istadium Nazzjonali taffronta lis-Slovenja.

Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet f’temp ta’ xahar hekk kif f’Settembru li għadda, is-Sloveni kienu għelbu lil Malta bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal jasal minn penalty ferm dubjuż skorjat minn Sandi Lovric.

F’din il-partita, il-Maltin taw qalbhom u kellhom wirja tajba fejn kienu wkoll sfortunati li ma ħarġux minn­ha bi draw.

S’issa Malta għandha erba’ punti fil-klassifika ta’ dan il-grupp wara draw ta’ 2-2 away kontra s-Slovakkja u rebħa ta’ 3-0 f’darna kontra Ċipru.

Min-naħa l-oħra Malta sofriet erba’ telfiet kontra r-Russja darbtejn, is-Slovenja u l-Kroazja. F’dawn il- partiti, il-wirja tal-players Maltin dejjem kienet sodisfaċenti bil-progress qed ikompli jidher taħt il-coach Devis Mangia.

Intant il-coach nazzjona­li indirizza  konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal- player Steve Pisani. 

Mangia saħaq li jinsab ċert li l-players tiegħu se jkomplu fejn ħallew fl-aħħar partiti minn dan il-grupp għalkemm ir-riżultati mhux dejjem waslu iżda huwa fundamentali li jżommu ruħhom konċentrati u tattikament organizzati.

Huwa sostna li l-proċess li hu u t-team tiegħu bdew fl-aħħar xhur finalment qed iħalli l-frott iżda xorta waħda fadal lok għal titjib. Huwa afferma li s-Slovenja huma team ferm b’saħħtu b’xi players jilagħbu ma’ clubs maġġuri fl-Ewropa fosthom il-goalkeper ta’ Atletico Madrid, Jan Oblak, il-midfielder ta’ PAOK, Jasmin Kurtic, u l-attakkant ta’ Atalanta, Josip Ilicic, b’Mangia jaf b’mod partikolari lil dan il-player hekk kif kien jikkowċjah fiż-żmien li kien coach ta’ Palermo. B’hekk skond Mangia, l-isfida se tkun waħda diffiċli għall-Maltin.

Madankollu, huwa stqarr: “Għandi fiduċja assoluta fil- players tiegħi u nemmen li bis-sapport tal-pubbliku sportiv Malti warajna, ka­paċi noħorġu mill-pitch b’rasna mgħollija u anke b’riżultat pożittiv.

“Iżda rrid nenfasizza ħafna fuq il-fatt li minbarra mir-­riżultat, ikollna wkoll pres­tazzjoni pożittiva.”

Huwa qal li għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu ħlief għal Ryan Camenzuli li jinsab sospiż u anke l-player imwieled l-Ingilterra natura­lizzat Malti, James Brown, li għadu qed jirkupra minn injury u mhux se jkun inkluż lanqas fl-iskwadra għall-partita kontra Ċipru.

Tkellem ukoll Steve Pi­sani, li kellu bidu ta’ staġun pożittiv kemm ma’ Gzira United kif ukoll mat-team nazzjonali.

Huwa ddeskriva l-ambjent fid-dressing room Mal­tija bħala wieħed ferm pożittiv, iżda qal li issa huwa importanti li hu u l-players sħabu jikkonċentraw fuq din il-partita kontra s-Slovenja bit-tama li jiksbu riżultat pożittiv.

F’dawn l-aħħar jiem Mangia sejjaħ skwadra ta’ 30 player għaż-żewġ konfronti kontra s-Slovenja u Ċipru fejn fost l-oħrajn hemm il-player ta’ taħt il-21 sena Adam Magri Overand li ssejjaħ għall-ewwel darba.

Kien hemm ukoll ir-ritorn tal-attakkant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele u d-di­fensur ta’ Birkirkara, Enrico Pepe, li rkupraw minn injuries. Mill-banda l-oħra Samir Arab ta’ Balzan u Luke Gambin ta’ Hamrun Spartans ukoll jinsabu fl-iskwadra ta’ Mangia.

Is-Slovenja huma mmex­xija minn Matjaz Kek, coach ta’ esperjenza li għandu 61 sena u li lagħab darba biss mat-team nazzjonali ta’ pajjiżu.

S’issa s-Slovenja kellhom riżultati mħallta f’dan il-grupp hekk kif kisbu żewġ rebħiet, draw u tliet telfiet. Dawn ir-riżultati ma tantx niżlu tajjeb mal-pubbliku Sloven li stenna aktar mill-players li qed jirrap­preżentaw lil pajjiżhom.

Dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu seba’ darbiet fl-istorja bis-Slovenja jirbħu sitt konfronti filwaqt li lura għal 1996, konfront ta’ ħbiberija kien spiċċa fi draw ta 0-0.

Il-logħba se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u tibda fid-8.45 pm.

Ekonomija

Sport