Saturday, May 18, 2024

U/21 – Litwanja v Malta …. Il-coach Agius jgħid li huma determinati li jinsew id-disfatta kontra r-Russja

Aqra wkoll

It-Team Nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena nhar il-Ġimgħa jaffronta lil-Litwanja f’Alytus fit-tielet logħba ta’ Kwalifikazzjoni minn Grupp C wara l-ewwel żewġ logħbiet li ntlagħbu x-xahar li għadda li rriżultataw f’rebħa ta’ 4-1 kontra l-Irlanda ta’ Fuq u telfa kbira ta’ 6-0 fir-Russja.

Il-coach Gilbert Agius qal li wieħed jista’ jitqies tajjeb daqs l-aħħar ħarġa tiegħu, u r-rebħa kontra l-Irlanda ta’ Fuq ilha li seħħet u issa l-players huma ferm deċiżi biex jinsew kompletament it-telfa kontra r-Russja li segwiet u jerġgħu lura b’rendiment sod nhar il-Ġimgħa.

Lejlet il-partita kontra l-Litwanja Gilbert Agius faħħar l-attitudni u d-dixxiplina tal-players tiegħu matul l-aħħar għaxart ijiem minn meta l-players iltaqgħu għall-preparamenti f’din it-tieqa internazzjonali ta’ Ottubru qabel dan id-double header barra minn darna.

Huwa sostna li: “Il-players kienu professjonali. Ilna naħdmu fuq din il-filosofija tal-logħba magħquda li qed nimplimentaw fil-kategoriji kollha fil-livell tat-Team Nazzjonali. Għal ħafna mill-players din hija t-tielet darba li qed jagħmlu parti minn dan il-grupp u nistgħu nindunaw li huma qed jassorbu din l-idea tal-football li rridu naddottaw waqt il-logħbiet tal-football.”

“F’kull sejħa ta’ players ikun hemm uċuh ġodda. Inizjalment sejħajna 10 players ġodda fl-iskwadra oriġinali tagħna ġimgħatejn ilu, sitta minnhom għamlu l-pass biex ikunu f’din l-iskwadra finali għal dawn iż-żewġ logħbiet hawn fil-Litwanja u fi żmien ħamest ijiem fis-Slovakkja.”

Gilbert Agius irrefera wkoll għan-nuqqas ta’ logħob li dawn iż-żgħażagħ qed ikollhom f’livell ta’ club waqt li saħaq li: “Uħud minn dawn il-players jilagħbu regolarment f’livell ta’ club għalkemm fil-livelli baxxi. Idealment ikollna iktar players f’dan il-grupp li jkunu fl-azzjoni ġimgħa wara ġimgħa fl-ogħla diviżjoni. Madankollu nifhmu li ż-żieda fil-barranin tagħmilha ferm iktar diffiċli għall-players li jafu li għandhom iżidu fil-livell u jkunu aktar reżiljenti billi l-kompetizzjoni fil-livell ta’ club hija ħarxa ħafna wkoll fosthom li trid tikkompeti ma’ players Maltin stabbiliti.

Il-coach Agius żied ukoll li: “Min-naħa l-oħra nħobb inżomm kuntatt regolari ma’ coaches f’ livell ta’ club. Naf pjuttost tajjeb li għandna players ta’ talent hemmhekk irrispettivament mill-età u l-esperjenza. Jekk jitħarrġu tajjeb żgur li se jkollhom l-opportunità, issa jiddependi minnhom biex jaħtfu kull opportunitá billi jassorbu dak kollu li jingħatalhom fosthom struzzjonijiet mill-coaches tagħhom u aktar importanti li juru dak li huma kapaċi jagħmlu fil-ground waqt il-logħbiet.”

PLAYERS PROMOSSI MAT-TEAM NAZZJONALI ‘A’A

Il-Coach tat-Team Nazzjonali tal-U21 Gilbert Agius afferma li huwa tassew kuntent bit-titjib mgħaġġel ta’ Adam Magri Overend, żagħżugħ tant abbli u ta’ talent. Fi kliemu: “Dak huwa l-għan aħħari tagħna li nimbottaw aktar players żgħar lejn it-team nazzjonali tal-kbar. Adam ħataf l-opportunità tiegħu ukoll. Qed jilgħab tajjeb ħafna u jilgħab regolarment f’livell ta’ club. Jien ċert li din id-deċiżjoni meħuda minn Devis Mangia u l-istaff tiegħu biex jippromwovu lil Adam se tnissel aktar għatx fil-players tiegħi biex jagħtu l-aqwa tagħhom u jippruvaw isegwu l-passi tiegħu. Nisnab kuntent bil-promozzjoni ta’ Adam għax kien ippreparat sew fl-attributi kollha meħtieġa biex ikun parti mit-team tal-kbar.”

“Nirrepeti li m’hemm l-ebda età jew esperjenza neċesssarja biex tilgħab mat-team nazzjonali. Jekk tkun għatxan għas-suċċess, iċ-ċans jiġi żgur u jasal fi stadju bikri biex tirrappreżenta lil pajjiżek mat-Team Nazzjonali.”

Agius iddikjara li, “Ir-riżultati huma importanti imma l-għan aħħari tagħna huwa li ngħinu lil dan in-nukleu ta’ players żgħażagħ biex ikomplu jitjiebu kemm individwalment, tattikament kif ukoll il-filosofija tal-football li qed infittxu li naddattaw.”

IL-LITWANJA “Aħna nifhmu li r-riżultat aħħari huwa l-prodott finali iżda niddependu ħafna fuq il-prestazzjoni tal-players. Konna kuntenti bil-mod kif żvolġew l-affarijiet kontra l-Irlanda ta’ Fuq, b’kuntrast mad-diżappuntat għal kif l-affarijiet evolvew fir-Russja. Għalhekk aħna lesti u determinati bis-sħiħ li nerġgħu lura b’mod qawwi u jkollna prestazzjoni pożittiva nhar il-Ġimgħa,” ikkonkluda Gilbert Agiu

Sport