Wednesday, April 24, 2024

UNL: Franza jdawru telfa f’rebħa u jgħaddu għall-finali kontra Spanja

Aqra wkoll

Belġju ……..2

Franza …….3

Franza dawru telfa f’rebħa biex fis-semi-finali tal-UEFA Nations League għelbu lill-Belġju bl-iskor ta’ 3-2 u b’hekk nhar il-Ħadd li ġej jilagħbu fil-finali kontra Spanja.

Wara biss erba’ minuti, il-Belġjani resqu viċin li jiftħu l-iskor meta minn kontrattakk veloċi l-ballun wasal għand Kevin de Bruyne li venven xutt iżda daqstant ieħor kien taj­jeb il-goalkeeper, Hugo Lloris, li evita goal ċert.

Iżda jekk b’xi mod din l-azzjoni indikat li l-partita kienet se tkun waħda movimentata, ir-ritmu ttrasforma f’wieħed ta’ studju tattiku bil-Franċiżi jkollhom il-pussess tal-ballun peró bl-ebda mod ma setgħu jinfdu d-difiża avversarja li kienet waħda organizzata.

Iżda, fis-37 minuta, kienu l-Belġjani li fetħu l-iskor meta Eden Hazard u Youri Tielemans ikkumbinaw bejniethom lejn De Bruyne li kompla Yannick Carrasco li rnexxielu jdur bejn Benjamin Pavard u Jules Kounde fejn fajjar xutt fil-baxx biex ħasad għal kollox Lloris.

Tliet minuti wara huma rduppjaw, meta De Bruyne reġa’ kien il-protagonista fejn għadda lejn Romelo Lukaku li kien ġej bil-ġirja u minkejja li kien issikkat minn Lucas Hernandez, minn qagħda angolata għeleb għal kollox lil Lloris.

Madankollu fit-tieni taqsima, il-Franċiżi dawru r-riżultat favur tagħhom. Fit-62 minuta, kien Karim Benzema li kkonkluda  minkejja li quddiemu kien hemm erba’ difensuri avversarji biex seba’ minuti wara Kylian Mbappe għamel l-iskor indaqs minn penalty wara li Tielemans ikkommetta foul fil-kaxxa fuq Antoine Griez­mann.  

Fis-86 minuta, Lukaku ħaseb li skorja l-goal tar-rebħa iżda ġie mħassar għal pożizzjoni ta’ offside. Tliet minuti wara, Paul Pogba ġie mċaħħad mil-lasta …. madankollu, kienu l-Franċiżi li ħarġu rebbieħa b’goal ta’ Theo Hernandez eżatt mad-90 minuta.

Sport