Saturday, November 30, 2024

TTD 2022: Żewġ rigali jagħtu rebħa lir-Russja fuq Malta

Aqra wkoll

Ritratt: Domenic Aquilina

Russja ………2

Malta ……….0

Goal rigal u penalty ferm dubjuż taw rebħa lir-Russja bl-iskor ta’ 2-0 fuq Malta liema partita kienet valida mir-round ta’ kwalifikaz­zjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022.

Peró minkejja din it-telfa, wieħed irid japprezza l-fatt li mindu ngħata fir-res­ponsabbiltá lil Mangia, it-team nazzjonali kiber fl-istatura u fil-personali­tá. M’għadniex nilagħbu l-ca­tenaccio … iżda qed ni­lagħbu logħob maħsub u ntel­liġenti.

Forsi l-unika kritika hija li l-players iridu jkunu ċerti minnhom infushom u ma jikkommettux żbalji elementari meta jdawru l-ballun fiż-żona tagħna. 

Infatti l-avversarji fetħu l-iskor minn goal rigal hekk kif it-tattika li jintlagħab il-ballun minn wara mhux dejjem taħdem fil-massimu tagħha.

U minkejja li r-Russi kienu territorjalment aħjar f’xi perjodi, ma setgħux jimmanuvraw kif riedu quddiem team organizzat.

Kellu jkun rigal ieħor minn penalty biex ir-Russi serrħu rashom mir-rebħa.

Intant, mit-telfa ta’ 1-0 kontra s-Slovenja ta’ nhar is-Sibt li għadda, il-coach Devis Mangia għamel xejn inqas minn sitt bidliet fil-formazzjoni inizjali fejn din id-darba utilizza lil Steve Borg, Andrei Agius, Zach Muscat, Ryan Camenzuli, Steve Pisani u Paul Mbong fil-post ta’ Kurt Shaw, Enrico Pepe, Juan Corbolan, Alex Satariano, Shaun Dimech u Triston Caruana.

Fl-ewwel azzjoni tagħhom, fid-disa’ minuta, ir-­Russi sabu x-xibka minn Fedor Smolov iżda fil-proċess tal-azzjoni, Aleksei Ionov kien f’pożizzoni ta’ offside.

Peró minuta wara, l-istess Russi fetħu l-iskor hekk kif FEDOR SMOLOV approfitta minn pass qasir lura ta’ Steve Borg u laħaq qabel il-goalkeeper Henry Bonello biex xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Il-Maltin għamlu reazzjoni u erba’ minuti wara, Paul Mbong dar ma’ Dmitri Barinov u ttanta xortih minn 30 metru bogħod bil-ballun jgħaddi minn fuq il-mimduda.

Fil-21 minuta, il-Maltin reġgħu heddew meta Teddy Teuma għadda lejn Cain Attard li mil-lemin xeħet cross insidjuż iżda ma kien hemm l-ebda player biex seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara. Minuta wara kienu r-Russi li resqu viċin iżda Bo­nello dawwar f’corner ix-xutt qawwi ta’ Fedor minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.

Fit-28 minuta, konna sfortunati li ma kisbniex id-draw meta x-xutt ta’ Andrei Agius min-nofs il-kaxxa l-kbira deher destinat għal ġewwa iżda ħabat ma’ sider Igor Diveev. Fit-32 minuta, indeċiżjoni fid-difiża Mal­tija, f’azzjoni riskjuża staj­na rregalajna t-tieni goal lill-avversarji iżda Smolov falla l-mira mill-qrib.

Minuta wara kien Steve Borg li waqqaf attakk perikoluż  u fid-39 minuta x-xutt ta’ Aleksei Miranchuk għadda ftit għoli.

Eżatt ma’ tmiem l-ewwel taqsima, konna sfortunati li ma skorjajniex il-goal tad-draw meta Luke Montebello seraq ballun mill-back pass ta’ Daler Kuzyaev u minn pożizzjoni mill-aktar angolata llobja l-ballun minn fuq il-goalkeeper avversarju … u bl-għajta tal-goal … għadda jħakkek mat-tieni lasta minflok imbaram għal ġewwa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Joseph Mbong venven xutt minn tarf il-kaxxa iżda sab lil Guilherme attent.

Fit-62 minuta, ersaqna ferm viċin meta Camenzuli xeħet cross lejn Montebello li niżżel lejn Joseph Mbong li ndirizza lejn ir-rokna tax- xibka bil-goalkeeper Russu jsalva in extremis biex evita goal ċert.  Żewġ minuti wara reġa’ kien Guilherme li ċaħħad lill-istess Mbong.

Fil-75 minuta, ikkommettejna żball ieħor wara nuqqas ta’ ftehim bejn Zach Muscat u Bonello li seta’ ssarraf f’auto-goal.

Sitt minuti mit-tmiem Zelimkhan Bakaev aċċerta r-rebħa għar-Russi minn penalty ferm dubjuż meta l-ballun ħabat ma’ id Camenzuli li ma kienx qed iħares lejn il-ballun. U biex ir-referee jkompli jitfa’ l-melħ fuq il-ġerħa Maltija, wera l-karta s-safra lill-istess Camenzuli biex issa se jitlef il-logħba kontra s-Slovenja. Dawn it-tip ta’ żbalji minn referees tal-ogħla livell huma inaċċettabbli …

RUSSJA: 1-Guilherme, 3-Igor Diveev, 4-Vyacheslav Karavaev, 5-Maksim Osipenko, 8-Dmitri Barinov, 9-Fedor Smolov (7-Anton Zabolotnyi  71), 15-Aleksei Miranchuk (13-Ilya Samoshnikov 58), 17-Arsen Zakharyan (10-Zelimkhan Bakaev 46), 20-Aleksei Ionov (19-Rifat Zhemaletdinov 79), 21-Aleksandr Erokhin (11-Roman Zobnin 46), 23-Da­ler Kuzyaev – Coach: Valeri Karpin

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli,  4-Steve Borg, 5-Andrei Agius (2-Kurt Shaw 86), 7-Joseph Mbong, 9-Luke Montebello (19-Alex Satariano 65), 10-Steve Pisani (23-Triston Caruana 65), 11-Paul Mbong, 17-Teddy Teuma (6-Nikolai Muscat 86), 18-Cain Attard (21-Shaun Dimech 75), 22-Zach Muscat – Coach: Devis Mangia

REFEREE: Ali Palabiyik (Turkija)

ASS. REFEREES: Ceyhun Sesiguzel, Serkan Olguncan (Turkija)

RABA’ UFF.: Yasar Kemal Ugurlu (Turkija)

SKORERS: F. Smolov 10, Z. Bakaev 84 pen (R)

AMMONITI: A. Miranchuk (R); S. Borg, R. Camezuli (M)

Sport