Saturday, December 21, 2024

TTD 2026: L-Arġentina jirbħu mingħajr Lionel Messi

Aqra wkoll

Minkejja li l-Arġentina serrħu lil Lionel Messi, huma xorta waħda kienu tajbin biżżejjed biex, barra minn darhom, għelbu lill-Bolivja bl-iskor ta’ 3-0 biex għandhom punti massimi minn żewġ logħbiet fir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, mill-Konfederazzjoni tal-CONMEBOL. 

It-tliet goals waslu minn Enzo Fernandez (31), Nicolas Tagliafico (42) u Nicolas Gonzalez (83).

Anke l-Brażil kisbu t-tieni rebħa wara li għelbu lill-Peru 1-0 grazzi għal goal fid-90 minuta ta’ Marquinhos.

Marcelo Bielsa sofra l-ewwel telfa tiegħu fit-tmexxija tal-Urugwaj kontra l-Ekwador li dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1.  

It-team ta’ Bielsa, li nhar is-Sibt għeleb lil dak taċ-Ċilì, marru fil-vantaġġ permezz ta’ Agustin Canobbio (38), iżda goal f’kull taqsima minn Felix Torres (45, 61) assiguraw ir-rebħa għall-Ekwador, li wkoll fallew penalty permezz ta’ Enner Valencia.

Il-Venezwela laqgħu lil Panama u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal drammatiku jasal fid-93 minuta minn Salomon Rondon. 

Fl-aħħar logħba ta’ dan ir-round, iċ-Ċilí u l-Kolumbja temmew fi draw ta’ mingħajr goals. 

Intant, Messi segwa r-rebħa tal-Arġentina minn fuq il-bank iżda ma kienx imniżżel fost is-sostituti wara li lmenta minn għejja fiżika wara li skorja l-uniku goal fir-rebħa tal-Erbgħa kontra l-Ekwador.

“Leo ma kienx lest biex jilgħab,” qal il-coach Lionel Scaloni wara l-logħba. “Huwa qed jipprovaw jirkupra, iżda ma ħassux komdu.”

L-eks midfielder ta’ Manchester United, Angel di Maria, kien il-captain tat-team fin-nuqqas ta’ Messi u pprovda l-assist għal Fernandez li fetaħ l-iskor għall-Albiceleste. 

L-attakkant tal-Bolivja, Roberto Fernandez, imbagħad tkeċċa għal foul ikrah fuq Cristian Romero, qabel ma Tagliafico bir-ras tefa’ free-kick ta’ Di Maria qabel il-mistrieħ.

Julian Alvarez laqat il-lasta fit-tieni taqsima hekk kif iċ-champions tad-dinja komplew jiddominaw, qabel ma Gonzalez issiġilla r-rebħa. 

Il-Brażil huma t-team l-ieħor li għandu punti massimi.

Il-logħba kienet qed tidher li se tintemm fi draw sakemm mill-corner ta’ Neymar, Marquinhos skorja l-goal importanti. 

Ekonomija

Sport