Friday, November 22, 2024

Twelled ta’ 14-il sena wara li ġiet abbużata minn qarib

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 14-il sena nhar is-Sibt filgħaxija welldet tarbija li se tkun qiegħda tingħata l-isem ta’ Katya. L-omm welldet lit-tifla f’Casa Santa Isabel fil-Guatemala liema dar hija mmexxija mill-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech.

F’kummenti li ta lil dan is-sit, Dun Anton Grech qal li din it-tfajla ġiet abbużata minn qarib tagħha u ħarġet tqila. “Ilbieraħ fid-dar Casa Santa Isabel welldet tifla u dan it-twelid ġab ferħ kbir,” qal Dun Anton Grech.

Hu kompla jgħidilna li din d-dar tilqa’ fiha tfajliet li jkunu ġew mibgħutha mill-Qorti tal-addoloxxenti, li jkunu għaddejjin minn vjolenza domestika fid-djar tagħhom jew inkellha ġew abbużati ħafna drabi minn missierhom jew xi qarib tagħhom.

“Din id-dar infetħet sentejn ilu u tilqa’ fiha tfajliet li jkollhom problemi l-aktar wara li jkunu nqabdu tqal. Il-massimu li jistgħu jgħixu f’din id-dar huma 10 tfajliet. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 12-il sena u 17-il sena. Bħalissa għadna 4 minnhom li huma tqal, filwaqt li 4 oħra għadu kemm kellhom tarbija fl-aħħar sena.”

Kompla jgħidilna li f’din id-dar jiġu offruti servizzi ta’ social workers u psikologi fost servizz oħrajn u t-tfajliet jistgħu jibqgħu fid-dar sakemm ikunu siguri li jerġgħu lura fis-soċjeta. Dun Anton qalilna li tkun il-Qorti li tiddeċiedi meta dawn it-tfajliet jitħallew jitilqu minn din id-dar u ħafna drabi jmorru jgħixu ma’ xi qariba li tkun qed toffri sigurta. “Hawn isibu kollox, isibu min jgħinhom imma fuq kollox isibu l-imħabba,” stqarr Dun Anton Grech.

Dun Anton Grech hu missjunarju Għawdxi fil-Guatemala fejn jaħdem ħafna fost l-ifqar nies fid-dinja. Bħalma jagħmel dejjem Dun Anton ikun qed iwettaq proġetti biex jgħin aktar nies jgħixu ħajja aktar dinjituża.

Sport