Wednesday, April 24, 2024

…u l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia?

Jikteb Frans Ghirxi

Aqra wkoll

Smajna, rajna u qrajna ħafna fuq il-Każ Jean Paul Sofia. U għad irridu nisimgħu, naraw u naqraw ħafna. Inħoss li, bħal dejjem u f’kull każ, wieħed għandu joqgħod ferm attent qabel jaqbad u jikkummenta. Hemm il-limiti. Hemm il-prudenza. Hemm ir-rispett. Hemm il-ġenwinità. Hemm il-mogħdrija.

L-ewwel u qabel kollox trid tpoġġi lilek innifsek fiż-żarbun tal-ġenituri ta’ Jean Paul. Mhux faċli tirrikonċilja lilek innifsek mal-fatt li jkollok ibnek, bintek, żewġek, martek, li joħroġ għax-xogħol u ma jidħolx lura. Kull mewt hija traġedja fiha nnifisha. Imma hemm mewt u mewt. Hemm il-mewt kawżata mill-mard, u forsi mistennija, u hemm il-mewt kawżata minn disgrazzja. Mewt għal għarrieda. Bħal sajjetta fil-bnazzi.

Lill-ġenituri ta’ Jean Paul trid tifhimhom. Trid tagħdirhom. Ma tridx tlumhom li jridu jafu ferm aktar minn dak li jafu dwar il-mewt ta’ binhom. Kull qalb ta’ ġenitur tingħafas ma’ tagħhom. Imma tagħhom l-aktar. Mhux faċli għalihom jidħlu fil-kamra ta’ binhom u jarawha vojta. Mhux faċli għalihom li jsejħulu u ma jkollhomx tweġiba. Mhux faċli għalihom li m’għadhomx jisimgħu l-kelma Ma u Pa. Huwa l-Mulej waħdu li jrid isabbarhom. U nassigurak li lanqas għall-Mulej m’hu faċli jagħmel dan.

U għal dawn ir-raġunijiet m’inix se nidħol fil-mertu ta’ dak kollu li rrikorrew għalih dawn il-ġenituri. Kien x’kien dak li rrikorrew għalih. U għalhekk dwarhom nieqaf hawn. Fit-talb umli tiegħi.

Kemm smajna u qrajna dwar jekk hux Inkjesta Maġisterjali jew Inkjesta Pubblika. Kemm trid. Argumenti kontra argumenti. Fil-Parlament u barra mill-Parlament. Fi programmi radjufoniċi u programmi televiżivi. F’kitbiet fil-ġurnali u f’dik li llum hija l-pjattaforma l-aktar popolari: il-midja soċjali. Fuq dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni kien hemm kull xorta ta’ livelli. Minn dawk interessanti, diskutibbli, ġenwini u le, għal dawk moqżieża.

Imma ftit, ftit, ftit li xejn dwar il-Maġistrat Inkwirenti. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia. Almenu sakemm sar magħruf li reġa’ kien estiż lilha ż-żmien biex tagħlaq l-inkjesta. Il-Maġistrat Farrugia qed tmexxi l-inkjesta maġisterjali inkwistjoni. Inkjesta li ilha għaddejja aktar minn seba’ xhur. L-ewwel mistoqsija li tqum: għandha inkjesta maġisterjali ddum għaddejja daqshekk żmien? Qabel titwieġeb tali mistoqsija hemm diversi punti li għandhom ikunu kkunsidrati.

Il-Maġistrat Farrugia, f’din l-inkjesta kemm-il espert ħatret? Min huma dawn l-esperti? X’esperjenza għandhom f’tali qasam? Ingħataw terminu ta’ żmien sa meta kellhom ilestu r-rapporti tagħhom? Ir-rapporti ta’ dawn l-esperti kollha tlestew sal-lum? Jekk iva, meta kien li wasal għandha l-aħħar rapport? Jekk għad hemm rapport/i x’jidħlu, għaliex għadhom ma tlestewx?

Aktar mistoqsijiet. Tul dan il-perjodu ta’ aktar minn seba’ xhur kemm-il seduta saret? Kemm-il persuna ssejjħet? Għal kemm sigħat ta’ smigħ jammontaw dawn is-seduti? Kemm għad fadal persuni x’jissejħu u x’jinstemgħu? Kien hemm persuni li ssejħu quddiem l-inkjesta u ma dehrux?

Bħal-lum ġimgħa, fit-30 ta’ Lulju, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia tagħlaq 13-il sena fil-kariga. Kienet ingħatat il-ħatra mill-President tar-Repubblika ta’ dak iż-żmien Dr George Abela fuq parir tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Lawrence Gonzi. Dak iż-żmien il-ħatriet tal-ġudikatura kienu litteralment f’idejn il-Prim Ministru.

F’dawn l-aħħar 13-il sena, kemm-il inkjesta maġisterjali ordnat il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia? Kemm minnhom huma magħluqin? Minn dawk li mhux magħluqin, jekk hemm, kemm tmur lura l-aktar waħda minnhom? U jekk hemm mhux magħluqin, għaliex? X’passi ttieħdu biex dawn jingħalqu?

L-avvenimenti dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia ħolqu u qegħdin joħolqu pressjoni biex tingħalaq l-inkjesta maġisterjali. Tant li l-Prim Ministru kiteb darbtejn dwar dan lill-Prim Imħallef. Kellu għalfejn isir hekk? Mela kull każ minnu nnifsu mhux pressjoni joħloq? Imma f’tali ċirkostanzi bħal dawk attwali ma jinħassx mill-Maġistrat Farrugia dak li qed jitqies bħala nuqqas ta’ sensittività min-naħa tagħha?

Għaliex in-nuqqas ta’ ffukar fuq is-sehem tal-Maġistrat Marse-Ann Farrugia f’dan kollu? Ngħid dan filwaqt li nifhem li għandu jkun ikkunsidrat li l-Maġistrat Farrugia fil-platt tagħha m’hemmx biss din l-inkjesta. Aktar jinħass li hu nuqqas ta’ ġudizzju f’dak li hu grad ta’ prijorità.

U dan iġibni għal dak li hu inevitabbli, il-pożizzjoni li qed jieħu l-Partit Nazzjonalista. X’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Maġistrat Farrugia abbażi ta’ dan il-każ? X’qed iżommu lura milli jikkummenta dwar dan filwaqt li jdawwar il-kanuni tiegħu band’oħra? Għaliex ebda kumment fuq id-dewmien proċedurali ta’ din l-inkjesta? Għaliex dan is-skiet partikolari filwaqt li jagħmel minn kollox biex iwarrab l-iffukar minn fuq dak li attwalment wassal għas-sitwazzjoni attwali: id-dewmien biex tingħalaq l-inkjesta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia?

Inħallih fil-ġudizzju tiegħek jekk il-Partit Nazzjonalista hux jaġixxi b’mod ġenwin. Fil-ġudizzju tiegħek jekk hux qed jirkeb fuq dan il-karru traġiku. Dak qiegħed fuq il-kuxjenza tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dwar dan għandi l-opinjoni personali tiegħi. Madankollu kulħadd għajnejh f’wiċċu qegħdin. Imma jkolli nagħmel il-mistoqsija loġika: kemm kienu l-okkażjonijiet fejn il-Partit Nazzjonalista, fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni, talab għal inkjesti pubbliċi fejn jirrigwarda imwiet traġiċi? Kemm-il inkjesta pubblika saret minn Gvern Nazzjonalista fl-aħħar 15-il sena ta’ tmexxija tagħhom?

Il-‘jigsaw puzzle’ politika u l-mod li bih u kif jinbtu l-bċejjeċ li jiffurmawha lili personali jqajmuli ħafna suspetti. Il-mod li bih imbagħad jitgħaqdu l-bċejjeċ f’xenarju sħiħ ikattruli s-suspett.

Sadattant mhux okkażjoni waħda jew tnejn kien hemm li malli jsir kumment fuq l-attitudni tal-ġudikatura pront toħroġ l-akkuża li qed isir indħil fil-ħidma tal-Qrati. U dan diġà qegħdin narawh.

Is-sitwazzjoni hi dik li hi. Nistennew u naraw wara li l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia tkun għalqet l-inkjesta. Anke jekk sadattant il-Prim Ministru ħatar Bord biex imexxi Inkjesta Pubblika.

L-ilma b’soluzzjonijiet differenti

F’temperaturi għoljin bħal dawk li qegħdin jolqtuna bħalissa, fl-ilma, ħelu jew mielaħ, hemm is-soluzzjonijiet. Par ħamiem sab is-soluzzjoni fl-ilma ħelu kemm biex jaqta’ l-għatx kif ukoll biex jiffriska. Min-naħa l-oħra, raġel dilettant ta’ sports partikolari, sab is-soluzzjoni fl-ilma baħar, ilma mielaħ. Imewweġ ħafif ħafif fuq baħar kalm f’Għajn Tuffieħa waqt inżul ix-xemx. Inzerta dan kollu seħibna John Pisani.

(Dan l-artiklu inkiteb qabel tħabbar li l-Inkjesta Maġisterjali ngħalqet)

Sport