ARSENAL………………………. 1
ATLETICO MADRID………… 0
(Agg: Arsenal 2-1)
Arsenal saru l-ewwel finalisti tal-UEFA Champions League hekk kif fit-30 ta’ dan ix-xahar, fil-Puskas Arena ta’ Budapest, jaffrontaw lir-rebbieħa bejn Bayern Munich u Paris St-Germain li se jiltaqgħu llum.
Dan wara li huma għelbu lil Atletico Madrid bl-iskor ta’ 1-0 għal aggregate ta’ 2-1.
Fl-ewwel taqsima, il-Gunners kienu l-aħjar team u fis-17-il minuta resqu viċin meta mill-corner ta’ Declan Rice, Bukayo Saka kien żmarkat għal kollox fuq it-tieni lasta iżda minn pożizzjoni ferm ideali ma laqatx il-ballun tajjeb biex iċ-ċans intilef.
Żewġ minuti wara, Myles Lewis-Skelly xeħet lejn Gabriel li minn 25 metru bogħod venven kanunata li għaddiet ftit barra, bil-goalkeeper ta’ Atletico, Jan Oblak, maħsud għal kollox.
Peró, fl-44 minuta, Bukayo Saka bagħat lil sħabu jistrieħu fil-vantaġġ meta Victor Gyokeres xeħet lejn Leandro Trossard, bil-goalkeeper Madrilen joħroġ ħażin bil-ballun jasal għand il-captain tal-Gunners u bil-kalma kollha xeħet f’lasta vojta.
Fit-52 minuta, Atletico appellaw għal penalty iżda l-VAR iġġudika li d-daħla ta Gabriel fuq Julian Alvarez kienet waħda leġġittima.
L-Ispanjoli ppruvaw jagħmlu reazzjoni iżda sabu quddiemhom team determinat u dixxiplinat fejn bdew jagħlqu l-ispazji kollha biex Atletico sabuha ferm diffiċli biex jippenetraw.
Is-suffara finali ġabet magħha ċelebrazzjonijiet mill-partitarji tal-Gunners li issa daħlu wkoll b’ċans kbir li jirbħu l-Premier League Ingliż.


