Sunday, November 24, 2024

UCL: Borussia D. u Paris SG fis-semi-finali

Aqra wkoll

F’partiti validi mit-tie­ni leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions Lea­gue, li kienu mill-aktar drammatiċi u eċċitanti, Paris St-Germain u Borussia Dortmund ikkwalifikaw għas-semi-finali meta b’aggregate għelbu lil Barcelona u lil Atletico Madrid rispettivament. 

Barcelona ………….. 1

Paris St-Germain…. 4

(Agg: Paris SG 6-4)

Barra minn darhom, Pa­ris St-Germain għelbu lil Barcelona 4-1 biex għaddew mal-aħħar erbgħa bl-aggregate ta’ 6-4.

Kienu l-Pariġini li ħarġu tant tajjeb iżda kienu l-Katlani li fetħu l-iskor, fit-12-il minuta meta b’azzjoni personali, Lamine Yamal għeleb lid-difensur, Nuno Mendes, u ppreżenta l-ballun lil Raphinha li mill-viċin spara fix-xibka. 

Fid-19-il minuta, Robert Lewandowski seta’ faċilment irdoppja iżda minn qagħda ideali għolli l-mira.

Fis-27 minuta, il-goalkeeper Katalan, Marc-Andre ter Ste­­gen, wettaq save kbir fuq Kylian Mbappe meta bl-għajta tal-goal dawwar f’corner.

Iżda żewġ minuti wara, Barcelona spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Ronald Araujo għal foul professjonali fuq Bradley Barcola qabel ma daħal fil-kaxxa waħdu.

Wara din it-tkeċċija, il-Pariġini approfittaw u fl-40 minuta kisbu d-draw meta Ousmane Dembele għe­leb in-nasba tal-offside u sammar il-ballun fix-xibka mill-cross ta’ Barcola.

Mandankollu, fl-54 mi­nu­­ta huma marru fil-vantaġġ permezz ta’ xutt ta’ Vi­tinha minn barra l-kaxxa. 

Ir-reazzjoni Katalana kie­net waħda mmedjata iżda Lewandowski reġa’ ddiżappunta meta mill-viċin laqat ix-xibka minn barra.

Fil-61 minuta, Kylian Mbappe skorja t-tielet goal għall-Pariġini minn penalty wara li Joao Cancelo waqqa lil Dembele fil-kaxxa … u fid-89 minuta, l-istess Mbappe ssiġilla r-rebħa.  

Borussia Dortmund…. 4

Atletico Madrid……….. 2

(Agg: Borussia D. 5-4)

Borussia Dortmund laq­għu lil Atletico Madrid u rebħulhom bl-iskor ta’ 4-2 biex għaddew bl-aggregate ta 5-4. 

Wara biss tliet minuti, Dortmund setgħu skorjaw meta Karim Adeyemi żmarka għal kollox lil Marcel Sabitzer u meta deher li seta’ jikkonkludi, Cesar Azpilicueta nterċetta fil-ħin biex evita goal ċert.

Żewġ minuti wara kien imiss lil Alvaro Morata li jfalli minn pożizzjoni ferm ideali wara li rċieva mingħand Antoine Griezmann.

Fl-34 minuta, il-Ġerma­niżi fetħu l-iskor minn Julian Brandt li kkonkluda mill-viċin mill-pass ta’ Mats Hummels. 

Erba’ minuti wara huma rduppjaw biex dawru l-aggregate favur tagħhom meta Sabitzer kompla lejn Ian Maatsen li għadda minn bejn żewġ difensuri qabel ma b’xutt fil-baxx xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Peró erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Atletico naqqsu l-marġni tal-iskor minn auto-goal ta’ Mats Hummels fit-tentattiv li jwaqqaf daqqa ta’ ras ta’ Griezmann. 

U fl-64 minuta, huma kisbu d-draw  minn Angel Correa. Iżda żewġ goals f’temp ta’ tliet minuti minn  Niclas Fullkrug (71) u Marcel Sabitzer  (74) taw ir-rebħa lil Dortmund.

Sport