Iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans illum jibdew l-impenji tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej, meta fis-Centenary Stadium, jaffrontaw lit-team minn Ġibiltá, Lincoln Red Imps, fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
It-team Ħamruniż, li issa huwa mmexxi mill-coach, Alessandro Zinnari, kien ferm impenjat matul dawn l-aħħar ġimgħat meta neħħew bosta players filwaqt li ġew akkwistati oħrajn biex issaħħu l-iskwadra.
Fost il-players li neħħew huma Yuliyan Nenov, Nemanja Krstic, Christian Rutjens, Federico Marchetti, Ognejn Bjelicic, Uros Duranovic, Joseph Zerafa, Jonny Torres u Seth Paintsil.
Fost l-akkwisti l-ġodda hemm il-Brażiljani, Vitor Hugo Manarin Leite da Silva, Wendel Barros, Raphael Lopes u Talison.
Zinnari se jkun qed jiddebutta b’mod uffiċjali mal-Ispartans f’logħba kompetittiva. Huwa kien parti mill-istaff tekniku tal-eks coach tat-team nazzjonali Malti, Devis Mangia, filwaqt li ħadem għal tliet snin sħaħ bħala kordinatur tekniku fi ħdan l-MFA. Fl-istaġun li għadda huwa mexxa lil Santa Lucia li sfortunatament ma żammewx posthom fil-Kampjonat Premier.
Sadanittant l-Ispartans kellhom ukoll iċ-ċans jilagħbu żewġ partiti ta’ ħbiberija fejn għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-1 u lil Sliema Wanderers 3-1. Wieħed għad irid jara iktar mill-viċin lill-players barranin il-ġodda li ġew akkwistati sabiex jidraw is-sistema tal-coach il-ġdid filwaqt li jambjentaw ruħhom mas-sistema tal-football lokali.
Sadanittant, l-avversarji tal-Ispartans huma wieħed mill-akbar timijiet ta’ din il-peninsula żgħira li tinsab fin-naħa t’isfel ta’ Spanja fil-Mediterran faċċata tal-kontinent Afrikan, li iżda, hija territorju tal-Ingilterra.
Dan it-team għandu l-akbar rekord ta’ titli mirbuħa meta għollew it-tazza għal 27 darba li jinkludu 14-il titlu konsekuttiv bejn l-2003 u l-2016.
Ir-Red Imps saru wkoll l-ewwel club minn Ġibiltá li wasal sal-Fażi tal-Gruppi ta’ kompetizzjoni Ewropea wara li kien elimina liċ-champions tal-Latvja, Riga FC, b’aggregate ta’ 4-2, f’Awwissu 2021.
Il-kompetizzjoni kienet dik tal-UEFA Europa Conference League liema grupp kien jinkludi lil FC Copenhagen, PAOK u Slovan Bratislava. Kien grupp diffiċli minħabba li tilfu l-partiti kollha fejn skorjaw żewġ goals biss waqt li sofrew 17 minn sitt logħbiet.
Iżda huma jibqgħu l-aktar team b’saħħtu ta’ pajjiżu fejn ir-rekords baqgħu jinkisru tant li rebħu seba’ tripletti domestiċi u erba’ doubles.
Fl-istaġun li għadda, huma rebħu l-kampjonat b’żewġ punti vantaġġ fuq St Joseph. Huma rebħu t-tazza tal-pajjiż, ir-Rock Cup, wara li għelbu lil Europa FC 3-0.
It-team huwa mmexxi minn Javi Munoz Jimenez, coach Spanjol ta’ 42 sena li ilu fit-tmun mill-istaġun 2022/23. Huwa għandu esperjenza vasta fil-football f’Ġibiltá hekk kif mexxa wkoll lil Europa FC għal seba’ staġuni sħaħ. Fil-passat mexxa wkoll timijiet Spanjoli mhux daqstant rinomati.