Tuesday, December 24, 2024

UCL: Man City u Real Madrid favoriti li jgħaddu għall-kwarti-finali

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tlieta kkwalifikaw l-ewwel żewġ timijiet għall-kwarti-finali, Bayern Munich u Paris St-Germain, l-Erbgħa jintlagħbu żewġ partita oħra mit-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League fejn Manchester City u Real Madrid huma l-favoriti netti li jingħaqdu mal-aħħar tmienja.

MAN CITY v FC COPENHAGEN (3-1)

Manchester City jilqgħu lil FC Copenhagen fejn huma l-favoriti netti li jkomplu javvanzaw għar-round li jmiss.

Huma għandhom vantaġġ ta’ 3-1 fejn l-iskorers fl-ewwel leg kienu Kevin De Bruyne, Bernardo Silva u Phil Foden filwaqt li Magnus Mattson kiseb id-draw momentarju għad-Daniżi.

Filwaqt li jippreparaw għal dan il-konfront, it-team immexxi mill-manager, Pep Guardiola, ikollu f’moħħu wkoll il-partitissima  ta’  nhar il-Ħadd li ġej kontra l-leaders tal-Premier League Ingliż, Liverpool, f’Anfield, fejn tista’ tiddetermina fejn jista’ jmur it-titlu.

Huma ġejjin minn rebħa emfatika ta’ 3-1 fuq ir-rivali eterni Manchester United minkejja li kienu fi żvantaġġ ta’ goal u għaldaqstant mistennija jkomplu b’din il-konsistenza għalkemm ma tkun l-ebda sopriża li jagħmel rotazzjoni ta’ players.

L-uniku wieħed nieqes se jkun Jack Grealish.

REAL MADRID v RB LEIPZIG (1-0)

Anke Real Madrid jibdew favoriti li jgħaddu għall-kwarti-finali meta jospitaw lil RB Leipzig wara li fl-ewwel leg kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jiġi skorjat minn Brahim Diaz, kmieni fit-tieni taqsima.

Peró huma jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom, għax minkejja li jibdew b’vantaġġ ta’ goal f’darhom stess, il-Ġermaniżi għandhom players li jippossjiedu potenzjal straordinarju li kapaċi jdawru r-riżultat favur tagħhom.

Bħalissa, il-Madrileni qed jillidjaw il-kampjonat domestiku iżda fl-aħħar ħarġa tagħhom huma ġew miżmuma minn Valencia 2-2 … iżda ż-żewġ timijiet ta’ warajhom, Barcelona (0-0) u Girona (0-1) ma approfittawx.

Il-Madrileni se jkunu mingħajr l-imweġġgħin, Thibaut Courtois, Joselu, David Alaba u Eder Militao filwaqt li Antonio Rudiger irid isirlu test aħħari.

Ekonomija

Sport