Iċ-champions lokali Hamrun Spartans, illum jaffrontaw lil Lincoln Red Imps ta’ Ġibiltá, fl-Europa Point Stadium, liema partita hija valida mit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
Il-Ħamruniżi jridu jdawru żvantaġġ ta’ 1-0 li sofrew il-ġimgħa li għaddiet fis-Centenary Stadium.
Fl-imsemmija logħba l-Ispartans sfaw jilagħbu bi player inqas wara 10 minuta hekk kif il-Brażiljan, Elonay de Freitas, tkeċċa għal foul inutli f’nofs il-ground.
Red Imps skorjaw l-uniku goal tal-logħba, fit-38 minuta, b’xutt ta’ Ethan Britto minn tarf il-kaxxa li ħasad lill-goalkeeper Henry Bonello.
Eventwalment, Red Imps ukoll kellhom player imkeċċi meta Enrique Gomez Bernal intbagħat jinħasel qabel sħabu meta fil-45 minuta ntwera t-tieni karta safra.
Il-coach il-ġdid ta’ Hamrun, Alessandro Zinnari, qal li t-tkeċċija kmieni effettwat il-pjan tattiku tal-logħba. Huwa seta’ wkoll jassessja lid-debuttanti Mayron, Wendel Barros, Raphael Lopes, Mattias Ellul, Talison u Vita.
Lincoln Red Imps urew li huma team ħafif u veloċi, bl-aktar li spikkaw kienu Ethan Britto, Kike Gomez, Nano u Rafael Lopez.
Illum huma se jkollhom vantaġġ psikoloġiku minħabba li se jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom stess.
Il-coach Zinnari jrid japplika tattika offensiva minħabba li jrid rebħa b’differenza ta’ żewġ goals biex ikun jista’ jkompli javvanza għar-round li jmiss. Rebħa li tkun b’vantaġġ ta’ goal wieħed ikun ifisser li jintlagħab il-ħin barrani.
Din hija partita delikata għall-Ħamruniżi u jekk jiġu megħluba huma jmorru jilagħbu fil-UEFA Conference League.
Il-partita tibda fis-6.00 pm.