Tuesday, May 6, 2025

UCL: PSG jibdew favoriti iżda kollox miftuħ bejn Inter u Barcelona

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tas-semi-finali tal- UEFA Champions League hekk kif kollox huwa miftuħ bejn Inter u Barcelona wara li fl-ewwel leg temmew fi draw ta’ 3-3 filwaqt li Paris St-Germain jibdew favoriti kontra Arsenal wara li fil-logħba preċedenti, barra minn darhom il-Pariġini ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. 

Iż-żewġ partiti jibdew fid-9.00 pm. Jekk l-aggregate ikun indaqs sad-90 minuta, ikun jeħtieġ li jingħata l-ħin barrani u f’każ li ma jkunx hemm rebbieħa, jingħataw il-penalties. 

Inter v Barcelona (3-3) –  (illum) – Immexxija mill-coach Simone Inzaghi, Inter jilqgħu lil Barcelona fi Stadio San Siro hekk kif iż-żewġ timijiet jinsabu pass ‘il bogħod mill-finali. 

Il-fatt li l-ewwel leg spiċċa fi draw ta’ 3-3, dan il-konfront jista’ jmur kull naħa u l-iċken żball jista’ jkun determinanti.

Inter, li bħal donnhom irkupraw wara sensiela negattiva fis-Serie A u fil-Coppa Italia, jittamaw li Lautaro Martinez ikun f’sikktu wara li sofra injury fl-ewwel leg. Madankollu, jidher li Marcus Thuram irritorna f’forma tajba, filwaqt li t-trio ta’ nofs il-ground, kompost minn Nicoló Barella, Hakan Calhanoglu u Henrikhy Mkhitaryan, joffri bilanċ u kreattività. Id-difiża mmexxija minn Francesco Acerbi u Alessandro Bastoni kienet soda matul l-istaġun, iżda se jkollha kompitu iebes kontra l-istilel ta’ Barca.

Min-naħa l-oħra, immexxija mill-coach Hansi Flick, il-Katalani  qed ifittxu li jagħmlu pass ieħor lejn ir-rebħ tal-kompetizzjoni wara snin diffiċli fl-Ewropa. L-ispinta ta’ Raphinha, Lamine Yamal u Ferran Torres tista’ tkun determinanti speċjalment jekk ikunu kapaċi jikkontrollaw il-pussess u jneħħu lill-Inter mill-komodità tattika tagħhom.

Peró, huma ma jistgħux jutilizzaw lil Robert Lewandowski u lil Jules Kounde minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Paris St-Germain v Arsenal 1-0 – (għada) – PSG jilqgħu lil Arsenal fil-Parc des Princes hekk kif għandhom vantaġġ minimu ta’ 1-0. U minkejja li dan il-kompitu mhuwiex impossibbli, il-pressjoni tinsab kollha fuq it-team Ingliż.

Fl-ewwel leg, fl-Emirates Stadium, rajna logħba tattika fejn iż-żewġ timijiet ħolqu l-opportunitajiet tagħhom, iżda kienu l-Pariġini li rnexxielhom isibu x-xibka, b’goal kmieni.

Luis Enrique se jfittex li jkompli jkabbar il-momentum wara prestazzjoni brillanti li fiha spikkaw iż-żewġ players ta’ nofs il-ground, Vitinha u Joao Neves, li l-kostruzzjoni offensiva ħarġet minn saqajhom. 

L-attakk magħmul minn Khvicha Kvaratskhelia, Ousmane Dembele (li jinsab dubjuż minħabba fastidju fil-hamstring) u Desire Doue, jista’ jagħmel id-differenza f’darhom, speċjalment kontra difiża ta’ Arsenal li xi kultant tidher kemmxejn vulnerabbli meta tkun taħt pressjoni.

Min-naħa tal-coach tal-Gunners, Mikel Arteta, huwa konxju li jinsab wiċċ imb’wiċċ mal-aħħar ċans reali biex jikseb unur Ewropew f’dan l-istaġun. Bukayo Saka u Martin Odegaard għandhom ikunu kruċjali biex jinħolqu l-ispazji fil-fażi offensiva. Il-preżenza ta’ Declan Rice fil-midfield tista’ tkun “iċ-ċavetta ewlenija” biex iżomm l-bilanċ u jrażżan it-transizzjoni veloci tal-Franċiżi.

B’ambjent ostili u żewġ filosofiji differenti – il-pressjoni għolja ta’ PSG kontra l-kontroll ta’ Arsenal – qed nistennew logħba ta’ intensità għolja. Kollox jindika li dan jista’ jkun wieħed mill-aktar konfronti spettakolari tal-istaġun.

Il-Gunners jimmiraw li jiskorjaw l-ewwel biex idawru l-pressjoni fuq l-avversarji. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport